Għat-tielet jum in fila, permezz tal-ġurnal In-Nazzjon u tal-ġurnalist Joe Mikallef, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tibqa’ tippersisti b’fake news dwar l-Isptar Mater Dei.
Fi stqarrija l-Ministeru tas-saħħa qal li l-istejjer ivvintati ta’ In-Nazzjon ma ġewx imgiddba biss mill-Gvern, iżda anke mill-amministrazzjoni u mill-kliniċi tal-isptar li kkonfermaw li, mhux talli l-Gvern ma ħebiex xi aħbar dwar il-virus H1N1, iżda saħansitra fl-ebda waqt minn mindu beda l-istaġun tal-influwenza f’ Ottubru sa issa, ma nstab il-virus H1N1 f’Mater Dei.
Il-verità li mhix tirrapporta In-Nazzjon hi li l-pazjenti fil-kuritur naqsu b’90%, tgħid l-istqarrija. Fl-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista, f’Jannar tal-2012 kien hemm total ta’ 920 pazjent li ngħataw kura f’kuritur – u dan f’xahar wieħed biss. Fis-sena 2012 kien hemm aktar minn 8,000 pazjent li qatta’ mill-inqas lejl fil-kurituri.
Il-Ministeru tas-saħħa spjega li L-istaff kollu tal-Isptar Mater Dei qiegħed jaħdem qatigħ biex joffri l-aħjar servizz possibbli anke fiċ-ċirkostanza ta’ żieda drastika fin-numru ta’ admissions kuljum fl-Isptar Mater Dei. Tant hu hekk li l-Isptar Mater Dei qed jikseb ta’ kuljum l-ammirazzjoni tal-pazjenti u tal-familjari tagħhom.
Anke f’dawn iż-żminijiet ta’ aktar pressjoni, fl-isptar ma kien hemm l-ebda operazzjoni li tħassret jew appuntamenti ippjanati li ġew kanċellati. L-istqarrija tgħid li ż-żieda ta’ pazjenti fl-isptar f’dan il-perjodu tas-sena mhix ħaġa iżolata għal Malta, fil-fatt, huwa fenomenu li għaddejja minnu l-Ewropa kollha.