L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed turi aġir irresponsabbli u tigdeb dwar żidiet proposti għall-edukaturi fl-istess ħin li meta mistoqsija dwar x’tagħmel hi għall-edukaturi, wieġbet ma tafx.
Dan ħareġ ċar f’konferenza tal-aħbarijiet li ġie anki nnutat fi stqarrija pubblika.
Id-Deputat Nazzjonalista u kelliem ta’ Bernard Grech għall-edukazzjoni Justin Schembri ma kienx jaf kemm jagħti żidiet lill-edukaturi.
Qal, “In-negozjati mhumiex qed jagħmluhom il-PN fil-Gvern.”
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-edukazzjoni żied jikkonferma li ma għandux ċifri f’idejh ta’ kemm jagħti lill-edukaturi.
Qal, “Allura inutli nitkellem fuq in-numri issa.”
Fl-istess konferenza, Justin Schembri allega li mal-Unjin għall-Għalliema, il-Gvern mar joffri żieda li hija inqas miż-żieda fil-COLA.
Pronta kienet it-tweġiba u ċ-ċaħda kategorika tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, li filwaqt li giddeb lil Schembri, nnota kif dak li qal l-istess Schembri hu vvintat.
“Tali dikjarazzjonijiet mhux veritiera ma jagħmlu xejn ħlief juru nuqqas ta’ etika u rispett lejn l-edukaturi f’dan il-mument tant delikat”, qal il-Ministru Clifton Grima.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni sostna li mill-Oppożizzjoni kien jistenna iżjed sensittività u maturità flok mar ’il bogħod minn dak diskuss fuq il-mejda tan-negozjati.
Il-Gvern tenna li jibqa’ impenjat li jkompli jirrikonoxxi l-irwol ċentrali tal-edukaturi fis-soċjetà u jibqa’ jfittex qbil li jwassal għal titjib sostanzjali u sostenibbli fil-kundizzjonijiet ta’ dawn il-professjonisti.