Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-kelliem tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista għall-Intern, Beppe Fenech Adami, reġa’ rrikora għal stqarrija mgħaġġla u partiġġjana bbażata biss fuq dak li qara fil-midja soċjali. Il-Partit Laburista qal li fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista injora stqarrijiet uffiċjali li jmeru għal kollox il-konklużjonijiet tal-kelliem tiegħu, fosthom dik li xi ħadd, li allegatament għamel il-ħażin, sab xi forma ta’ protezzjoni.
Hawnhekk il-Partit Laburista rrefera l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fi stqarrija uffiċjali maħruġa mill-Forzi Armati ta’ Malta, li fiha hemm ċar iddikjarat li suldat wieħed biss li rrifjuta li jagħmel it-test għad-droga ġie mkeċċi mmedjatament mill-Forzi Armati.
“Li Beppe Fenech Adami u l-Partit Nazzjonalista ma jitilfux okkażjoni waħda biex jattakkaw l-armata kulħadd jafha. Ilhom snin mhedija f’attakk insensat fuq it-tmexxija tal-armata, liema attakk anke l-Qorti ġabitu fix-xejn”, saħaq il-Partit Laburista.
Intqal kif il-Forzi Armati wrew li quddiem kull tip ta’ allegazzjonijiet huma sodi favur id-dixxiplina u kif intqal mill-Forzi Armati ta’ Malta stess, jekk minn inkjesta interna dwar dan il-każ jirriżulta li hemm ħtieġa ta’ passi oħra, dawn jittieħdu.
“Beppe Fenech Adami qed juri bil-kontra. Għaliex jagħti kenn lil min l-għemil tiegħu qajjem ħafna mistoqsijiet biex jattakka lil min ħa passi kull meta ġie quddiemu aġir mhux denju ta’ membru tal-armata”, temm jgħid il-Partit Laburista.