L-Oppożizzjoni kompliet bis-serje ta’ konferenzi tal-aħbarijiet li fiha tattakka anki l-awtoritajiet f’dan il-mument ta’ sfida li jirrikjedi li jingħaqdu l-forzi flimkien biex negħlbu l-imxija tal-Coronavirus.
Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri, li fil-jiem li għaddew spiċċa f’nofs kontroversja fil-Parlament wara li ġie żvelat li bħala kelliem tal-Oppożizzjoni għas-saħħa lanqas attendagħal-laqgħa li fih ġie diskuss il-bini ta’ sptar ġdid fi tmien ġimgħat, qal li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu ma ttieħdux f’waqthom.
Spiteri stqarr: “Ma nistgħux nieħdu delays biex ikun hemm ċertu deċiżjonijiet.”
F’nifs wieħed, Stephen Spiteri qal li l-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja fl-awtoritajiet tas-saħħa mbagħad ilmenta li l-miżuri li qed jittieħdu ma jkollhomx effett drastiku fuq it-tifrix tal-virus.
Spiteri sostna: “Huwa importanti ħafna li l-miżuri li ttieħdu jkunu b’tali mod li jkollhom effett drastiku fuq it-tifrix ta’ dan il-virus.”
L-Oppożizzjoni saħansitra marret kontra l-pariri tal-professjonisti meta ħarġet tiġri titlob għal-lockdown.
Dan anki jekk il-professjonisti saħqu li lockdown imsejjaħ qabel il-waqt opportun jista’ jħalli riperkussjonijiet koroh.