Fl-aħħar jiem ġie kkordinat attakk mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq l-Ispeaker tal-Parlament Dr Anġlu Farrugia.
Il-Partit Nazzjonalista l-Ħadd stess ħareġ stqarrija li fiha attakka lill-Ispeaker.
Deputati tiegħu, fosthom Jason Azzopardi, qed ikunu minn ta’ quddiem li jimmuntaw dan l-attakk.
Saħansitra l-fazzjoni tal-establishment Nazzjonalista, li tiddetta l-istrateġija li għandu jaddotta l-Kap Bernard Grech u t-triq ’il quddiem li għandu jieħu l-Partit Nazzjonalista, qed timbotta iżjed l-attakk fuq l-Ispeaker li taħtu l-ħidma Parlamentari intensifikat, fosthom bil-bini l-ġdid tal-Parlament u stazzjon televiżiv li jxandar is-seduti tal-Kamra, kif ukoll it-tmexxija tal-Kumitat dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-opportunità li ċ-ċittadin jibgħat petizzjoni diretta lejn il-Parlament.
Id-Deputati tal-Blue Heroes, li jkunu fl-attivitajiet tal-għaqda Repubblika, qed jimbuttaw ukoll protesta li se tagħmel l-għaqda t-Tnejn quddiem il-Parlament, bis-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali jgħidulna li dawk li poġġew Kap lil Bernard Grech qed jinqdew bl-attività tal-għaqda Repubblika biex ipoġġu pressjoni fuq Grech u dan jimxi mal-pass tagħhom fuq l-Ispeaker.
Fil-fatt is-Sibt filgħodu fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech kellu wkoll isemmi xi ħaġa b’rabta mal-attakk tal-Oppożizzjoni fuq l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
L-Oppożizzjoni mistennija tintensifika fl-attakk tagħha fuq l-Ispeaker, bil-gazzetta Illum tirrapporta azzjonijiet li jista’ jieħu l-Partit Nazzjonalista bħal ma kien jieħu fit-tmeninijiet.
Uħud qalulna li l-għan tal-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista huwa li wara li għal żmien il-festi tal-Milied ma rnexxilhomx ipoġġu lill-poplu f’dik meqjusa bħala ‘electoral mode’ meta għamlu ġimgħat iqajmu l-għajta li se tissejjaħ elezzjoni qabel tmiem din is-sena, il-ħsieb huwa li xorta jżidu fid-doża t’attakki marbuta mal-politika waqt li l-andament tan-negozju jkun għaddej b’ritmu sew marbut mal-festi tal-Milied.
Gazzetta oħra nnutat imbagħad l-attakk inġust fuq l-Ispeaker.
Kemm f’editorjal u anki f’artiklu, il-gazzetta t-Torċa semmiet il-ħidma kbira li saret minn Anġlu Farrugia, bil-gazzetta ssemmi li d-diskors tal-Ispeaker waqt attività Nazzjonalista mill-Fondazzjoni Nerik Mizzi ma niżel xejn tajjeb.
Għal din l-attività kien hemm preżenti Lawrence Gonzi li din il-ġimgħa wkoll ħareġ kontra l-Ispeaker, bit-Torċa tfakkar li meta sar Speaker, Dr Anġlu Farrugia sab ma wiċċu sitwazzjonijiet ta’ eks Ministri ħbieb ta’ Gonzi li kienu insew jiddikjaraw eluf jew saħansitra ta’ miljuni ta’ ewro fi flus barra minn Malta.