Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia huwa kontra li l-Gvern stipula l-massimu tal-prezzijiet li l-maskri jinbiegħu f’dan iż-żmien tal-pandemija.
Wara li l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ħarġet tikkritika lill-Gvern għaliex għamel parametri fuq il-prezzijiet, konvenjentament il-Partit Nazzjonalista ħareġ jiġri jilqa’ din il-kritika u saħansitra fuq il-paġna uffiċjali tiegħu fuq facebook ippubblika artiklu dwar dan.
Nhar il-Ħadd il-Gvern kien saħaq li surgical masks li jintremgħu wara li jintużaw darba ma jistgħux jinbiegħu iżjed minn 95 ċenteżmu filwaqt li l-prezz tal-visors ma jistax jaqbeż il-€5
Dawn il-prezzijiet meqjusa raġonevoli favur l-interess tal-konsumatur sabu wkoll il-qbil tal-ispiżjara li wara diskussjonijiet li saru anki mal-Kamra tal-Ispiżjara, komplew ibiegħu fil-parametri tal-prezzijiet imħabbra mill-Gvern.
Iżda dwar dan il-qbil anki biex jipproteġi l-interessi tal-konsumatur u s-suq ma jitħalliex isuq, il-Partit Nazzjonalista kien kontra u saħansitra għamel tiegħu l-kritika fuq parametri li ma għandhomx jinqabżu fil-prezzijiet tal-maskri.
Madankollu fuq din il-kwistjoni li tirregola l-prezzijiet tal-maskri, il-Partit Nazzjonalista wkoll jinsab maqsum.
Fil-bidu t’April, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien kiteb li l-Gvern jista’ jimponi prezzijiet fissi għall-perjodu temporanju hekk kif qed ngħixu ċirkostanzi straordinarji tal-pandemija.
Jason Azzopardi saħansitra qal biex il-Gvern iqum mir-raqda iżda min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista appoġġja l-kritika kontra l-iffissar fil-prezzijiet biex ma jkunx hemm abbużi.
Nhar il-Ġimgħa meta tħabbru tnaqqis fir-restrizzjonijiet kontra t-tixrid tal-Coronavirus, l-awtoritajiet tas-saħħa saħqu fuq l-ilbies tal-maskri f’postijiet pubbliċi bħal ħwienet u fuq il-karozzi tal-linja.
Dwar każijiet ta’ maskri u ilbies protettiv ieħor li ġew impurtati qabel, il-Gvern se jerfa’ hu l-ispejjeż żejda li qabżu l-parametri tal-prezzijiet stipulati.