B’41 vot favur u 35 kontra, il-Parlament illejla approva mit-Tielet Qari l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.
L-Oppożizzjoni żammet mal-pożizzjoni tagħha kontra dak li qed jipproponi l-Gvern biex, f’każ li jibqa’ ma jintlaħaqx qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra dwar il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ikun hemm mekkaniżmu ta’ żblokk biex il-kariga ma tibqax battala.
Intant, anki ftit qabel il-vot fil-Parlament, meta ġiet fi tmiemha d-diskussjoni fl-istadju ta’ Kumitat, esponenti tal-establishment Nazzjonalista, fosthom Karol Aquilina, ivvutaw kontra l-emenda tal-Gvern.
Id-deputat Karol Aquilina tkellem f’isem sħabu – Mark Anthony Sammut u Ryan Callus – u ddikjara li kienu se jivvuta kontra din l-emenda tal-Gvern.
Qal, “Jien se nivvota kontra, sħabi se nivvutaw kontra dan l-abbozz ta’ liġi.”
Preżenti f’dan il-kumitat kien hemm il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, li spjega l-intenzjoni tal-Gvern b’din l-emenda.
Qal, “L-intenzjoni aħħarija tal-Gvern hi li, bejn vot u ieħor, hemm żewġ elementi. L-ewwel nett, hemm l-element ta’ żmien, qed nagħtu ċans sebat ijiem biex kemm jista’ jkun wieħed ikun jista’ jasal, ikun hemm trattattivi li jwasslu għall-consensus u l-possibbilità li jiġi nominat, ikun nominat persuna differenti. Isem differenti li, però, mhux se jwassal biex il-proċess ikun jista’ jiskatta mill-ġdid.”
Il-Ministru Attard fakkar li din l-emenda fil-liġi kienet proposta mill-Kummissjoni Venezja.
Qal li l-Gvern qed jara li jiġi assigurat li pajjiżna jkollu l-mekkaniżmu neċessarju biex il-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards ma tibqax vakata u għaldaqstant jerġa’ jkun hemm Uffiċċju li qed jiffunzjona.
Il-Ministru Jonathan Attard innota n-negattività tal-Oppożizzjoni f’dan il-kumitat.
Qal, “Il-punt huwa: jitqajmu dubju mill-Oppożizzjoni, jippruvaw jiskreditaw il-liġi, Sur Chairman. Staqsejnih jekk hemmx emenda li tista’ tikkristallizza dak li qed jgħid. Jgħidilna, ‘Ma tarax’. Minn issa ’l quddiem, jiġifieri, b’kull rispett hux, hemmhekk tinduna l-intenzjoni ħażina.”
Il-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards ilha vakanti minn Settembru u l-Prim Ministru Robert Abela kien innomina lill-Prim Imħallef Emeritus, Joseph Azzopardi għall-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dwar dan, inizjalment, mal-Prim Ministru l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kien wera qbil dwar in-nomina. Madankollu, imbagħad, Bernard Grech ġie mġiegħel imur lura minn kelmtu minn dawk li verament imexxu fil-Partit Nazzjonalista.
Preżenti għal dan il-kumitat, li ċ-Chairperson tiegħu huwa d-deputat Michael Farrugia, il-Whip tal-Gvern Andy Ellul, u d-deputat Randolph De Battista.