L-Oppożizzjoni llejla fil-Parlament oġġezzjonat li l-Ministru Konrad Mizzi, f’isem il-Prim Ministru, jressaq il-mozzjoni biex il-Kamra tapprova l-Estimi ta’ Dħul u Nfiq tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għas-sena finanzjarja 2016 u ddikjaraw li mhux se jieħdu sehem fid-dibattitu.
Wara li l-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling li kull Ministru tal-kabinett jista’ jressaq mozzjoni f’isem il-Prim Ministru, il-kap tal-Oppożizzjoni qal li huma ma kienux bi ħsiebhom jipparteċipaw f’dibattitu mal-Ministru Konrad Mizzi ladarba, fi kliemu, “l-Gvern irid jagħmel messa in scena anke mir-reshuffle li ħabbar b’tant pompa”.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-poplu għandu dritt ikun jaf jekk ir-reshuffle kinitx fażulla u kritika li Konrad Mizzi jerġa’ jidher quddiem il-Parlament bħala Ministru responbsabbli mill-ilma.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-allegazzjoni tal-Oppożizzjoni li l-Gvern m’għandux rispett lejha mhix aċċettabbli. Huwa qal li l-Gvern jirispetta lill-Oppiżizzjoni tant li qed iħalliha tagħmel ħafna points of order li m’huma point of order xejn.
Żied li jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni irid jagħmel mistoqsijiet, għandu l-libertà jagħmilhom waqt id-dibattitu, u mhux jabbuża mid-demokrazija.
Meta introduċa l-mozzjoni, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, tul dawn l-aħħar tliet snin, għamlet titjib kbir huwa iddeskriva l-ammont ta’ xogħol li sar bħala wieħed “inkredibbli”.
Minn telf, il-korporazzjoni qed taqla’ sitt miljun ewro fis-sena u d-dejn naqas bi €23 miljun. F’temp ta’ sentejn, il-Korporazzjoni qed tfassal proġett innovattiv li se jbiddel l-ilma tad-drenaġġ biex dan isir ta’ kwalità tajba għall-industrija u l-biedja.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li huwa fiduċjuż li l-korporazzjoni se tibqa’ tinvesti u ttejjeb is-servizz lill-poplu Malti u Għawdxi.
“Oppożizzjoni tal-walkouts u ta’ ostruzzjoniżmu” – Partit Laburista
B’reazzjoni għal dak li seħħ ftit ilu fil-Parlament, il-Partit Laburista qal li t-teatrin tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament kien wieħed patetiku meta jaf li l-Prim Ministru kien impenjat b’laqgħat mal-Kanċillier Awstrijak, laqgħa tat-Trio tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea mal-Prim Ministru tal-Olanda u tas-Slovakkja u fi triqtu lejn l-Forum Ekonomiku ta’ San Pietruburgu.
“Huwa ċar li l-Oppożizzjoni hija waħda ta’ ostruzzjoniżmu rresponsabbli li ma tagħmel ebda ġieh lill-Istituzzjoni Parlamentari. Għax ma hix Oppożizzjoni ppreparata, tara kif ittellef u tagħmel il-bojkotts.”
Il-Partit Laburista kompla jgħid li l-Oppożizzjoni m’għandhiex policies u li m’għandha xejn x’toffri qed tara kif ittellef il-ħidma tal-Gvern.