L-Oppożizzjoni tgħid li dwar is-saħħa mentali għandu jkun hemm dibattitu serju u matur, imbagħad bl-istqarrijiet tagħha tagħmel totalment il-kontra.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, b’rabta ma’ Konferenza tal-Aħbarijiet li ttellgħet mill-Oppożizzjoni b’reazzjoni għal pjanijiet aġġornati u dettaljati li riċentement ġew imħabbra mill-Ministru Jo Etienne Abela.
Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva innota l-kritika inġusta għall-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur, kemm fis-servizz pubbliku u anke f’dak privat.
L-istqarrija żiedet tgħid li ilwaqt li l-Oppożizzjoni titkellem dwar l-istigma, fl-istess ħin titkellem kontra l-istrateġija tal-Gvern li hi proprju maħsuba biex tnaqqas l-istigma. Dan fost oħrajn permezz ta’ pjanijiet friski fejn mard psikjatriku akut ikun amalgamat fl-Isptar Mater Dei.
Fl-istess ħin li l-Oppożizzjoni tisħaq li s-sala psikjatrika li kienet teżisti f’Mater Dei qabel il-pandemija kienet qed toffri servizz eċċellenti, hija kontra proġett li minflok sala se jara li jkun hemm 110 sodda għal dan il-għan, temmet tgħid l-istqarrija.
Il-Ministeru qal li ħa d-deċiżjonijiet tiegħu wara konsultazzjoni mal-esperti. Il-problemi akuti għandhom jiġu kkurati fl-Isptar Mater Dei u b’hekk se jiġu investiti €35 miljun. L-Isptar Monte Karmeli, fejn għaddej rinnovar estensiv, għandu jkun riservat għal sezzjonijiet separati għal mard kroniku u psiko-ġerjatrija.
Dan filwaqt li €25 miljun se jiġu investiti wkoll f’mediċini psikjatriċi ġodda.