Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni qed tikxef kemm hi maħkuma mill-fergħa estremista tal-Partit Nazzjonalista u qed tiggranfa ma’ kull sitwazzjoni biex tipprova tikseb punti politiċi.”
L-istqarrija kompliet tgħid li l-aħħar każ klassiku huwa l-mod kif qed tuża l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) billi tispinja dak li ħareġ ilbieraħ waqt is-sessjoni ta’ dan il-kumitat li matulha ġie trattat ir-rapport tal-NAO dwar l-industrija tal-films. Il-PN għawweġ il-fatti li ħarġu mir-rapport tal-NAO u l-PAC bi stqarrija u argumenti bla bażi.
L-istqarrija żiedet tgħid li waqt il-laqgħa tal-PAC ħareġ ċar mir-rappreżentanti tal-NAO, illi l-allegazzjonijiet tal-Oppożizzjoni, li ntużaw fondi allokati għall-produzzjonijiet Maltin għal skop ieħor, inkluż għall-Malta Film Week 2022, ma kienux veritiera.
Dwar il-cash rebate, li dwarha l-Oppożizzjoni qed tipprova tħawwad l-imħuħ ukoll, din ukoll tqajmet fil-PAC, u sintendi fl-istess rapport tal-NAO. Ingħad ċar illi, għall-kuntrarju tal-impressjoni li qed tipprova tagħti l-Oppożizzjoni, li l-cash rebate huwa għal kollox konformi mal-proċess u mar-regoli tal-għajnuna li tingħata mill-istat. B’hekk, l-NAO ġab fix-xejn l-attakki tal-PN fuq il-cash rebate.
La fir-rapport u wisq anqas ilbieraħ l-NAO ma qal li kien hemm xi tberbiq ta’ flus fuq marketing, anzi ntqal illi l-proċess ta’ marketing mill-Kummissjoni tal-Films jimxi mal-prassi tal-industrija. Ġie spjegat kif il-marketing li qed isir mill-Kummissjoni tal-Films, qed iwassal għal aktar investiment barrani f’pajjiżna u li dan qed tgawdi minnu l-ekonomija lokali.
Li ma tgħidx l-Oppozizzjoni hija l-kuntest ta’ dawn l-affarijiet. Sena wara sena, il-Kummissjoni tal-Films taħt it-tmexxija ta’ Johann Grech ġabet mijiet ta’ miljuni ta’ ewro f’investiment barrani u dan l-NAO fir-rapport jgħid li ħalla impatt ekonomiku enormi fuq pajjiżna.
L-Oppożizzjoni qed tipprova ċċekken il-kisbiet kbar li għamlet din il-Kummissjoni biex Malta tpoġġiet fuq il-mappa internazzjonali tal-films, fosthom bi blockbusters bħal Gladiator, li esponew lil Malta mad-dinja kollha. L-aġir tal-Oppożizzjoni qed ikun inġust mal-hafna haddiema li jaħdmu f’dan il-qasam u li qed jagħmlu biċċa xogħol tajba.
L-istqarrija temmet tgħid li hija ħasra li l-Oppożizzjoni ma tirrikonoxxix kif din l-industrija, li qabel l-2013 kienet għarkupptejha, fl-aħħar tmien snin għamlet passi kbar ‘il quddiem u fil-proċess qed jinħolqu numru sostanzjali ta’ jobs ġodda f’din l-industrija.