Il-logħob partiġġjan li qed jipprova jilgħab il-Kap tal-Oppożizzjoni issa ndera minn kulħadd. Illum din l-istrateġija negattiva u distruttiva saħansitra wasslet biex l-Oppożizzjoni tattakka persuna li ħatret hi stess meta kienet fil-gvern.
Fi stqarrija, l-Ministru għall-Intern u s-sigurtá nazzjonali spjegat li l-eks Brigadier Carmel Vassallo, li issa spiċċa fil-mira ta’ Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi, inħatar minn Gvern Nazzjonalista fit-tmexxija tal-Forzi Armati ta’ Malta nhar l-1 ta’ Marzu, 2004.
L-Oppożizzjoni qed titfa’ dubju fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-eks Brigadier sempliċiment għax ilbieraħ intalab jinvestiga allegazzjonijiet dwar intervent biex tinħeles persuna mill-kustodja tal-Pulizija, liema allegazzjonijiet qed jiġu miċħuda mill-istess Pulizija.
Il-Ministeru saħaq li l-attakk tal-Oppożizzjoni m’huwa xejn ħlief redikolu għaliex l-inkjesta ntalbet direttament mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u se tirrapporta lura lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jiġi stabbilit jekk ġietx segwita l-liġi, jekk il-proċeduri f’każijiet ta’ allegata vjolenza domestika humiex adegwati, u jekk kienx hemm forma ta’ intervent estern f’dan il-każ.
Beppe Fenech Adami għandu jieħu tagħlima minn dan il-każ u jinduna kif jimxu l-affarijiet bit-trasparenza u l-kontabilità. Uffiċjal tal-Gvern, minkejja li qed jiċħad li intervjena f’dan il-każ, sempliċiment għaliex huwa l-coach tat-team li miegħu jilgħab il-persuna konċernata, issuspenda ruħu sakemm titlesta l-investigazzjoni.
Il-Ministeru spjega li min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap Nazzjonalista ma refa’ l-ebda responsabilità minkejja li hemm inkjesta dwar il-mod kif twaqqfet investigazzjoni fuq kumpanija fiduċjarja tiegħu implikata f’każ ta’ ħasil ta’ flus b’rabta mad-drogi fiż-żmien meta kien assistent parlamentari fuq il-Pulizija.
Id-double standards tal-Oppożizzjoni jkomplu joħorġu dejjem aktar ċari. Pajjiżna għandu Kap tal-Oppożizzjoni li jemmen li għandu dritt divin li jkun il-prosekuzzjoni, il-ġurat u l-imħallef fil-każijiet li jaqbel lilu. Dan huwa biss frott id-disprament politiku.