Emenda li ressaq il-Gvern u li għaddiet il-Ħamis filgħaxija mill-Parlament, esponiet kif l-Oppożizzjoni baqgħet tattakka l-isptarijiet anke f’dan iż-żmien sensittiv, fejn saħansitra qed tipprova toħloq ostakoli biex il-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika jibqa’ jkollhom għad-diżpożizzjoni tagħhom l-attrezzaturi kollha meħtieġa sabiex jissieltu l-pandemija.
Il-mozzjoni tal-oppożizzjoni baqgħet tattakka ftehim li jolqot l-isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar ta’ Karin Grech f’Malta.
L-emenda nnotat ukoll kif hemm proċeduri legali pendenti.
L-emenda mressqa mill-Gvern għaddiet b’ħamsa u tletin vot favur u disa’ u għoxrin kontra biex wara l-mozzjoni kif emendata għaddiet wkoll bl-istess ammont ta’ voti.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr fil-Parlament kif bil-mozzjoni oriġinali preżentata mill-oppożizzjoni, tmur kontra l-ħidma ta’ dan il-Gvern biex il-kuntratt jingħata l-interpretazzjoni li tmur favur il-poplu malti u għawdxi.
“Hemm tlett għażliet quddiemna, l-għażla li nħassru l-ftehim, l-għażla li nkomplu l-ftehim jew l-għażla li nkomplu bi ftehim rivedut, emendat. Prinċipju wieħed mhux ser jinbidel imma, prinċipju wieħed mhux ser jinbidel, il-value for money. Dak hu prinċipju li ser jigwidina fid-diskussjonijiet kollha u li huwa dak li nassiguraw li l-poplu malti u għawdxi jieħu valur tajjeb għal flusu.”
Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne spjega kif il-Gvern ma jistenna xejn inqas minn dak imwiegħed fil-kuntratt ma’ Steward Healthcare.
“Il-kuntratt huwa ffirmat bejn il-Gvern u bejn Steward, dak hu l-kuntratt li hemm u mingħand Steward nistennew li għal flus li se ntuhom ituna dak li hemm fil-kuntratt xejn inqas u xejn iżjed.”
Intant waqt l-indirizz tal-Prim Ministru qam jintervjeni l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius.
“L-onorevoli Prim Ministru qiegħed jikkwota minn xi ħaġa, kuntatt, meta tkun qed tikkwota minn xi ħaġa hija din il-kamra li għandu jikkwota mhux qed jikkwota li qed ipoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Qed nitolbok Mr.Speaker titolbu jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.”
“Sur president, dan l-intervent li għadu kif għamel l-onorevoli David Agius juri kemm hu mnalla li l-oppożizzjoni mhux qed tmexxi lil Gvern f’dan il-mument. Għaliex qed jgħidli li qed naqra mill-kuntratt u mhux jirrealizza li qed naqra mill-mozzjoni tagħhom stess.”