Hi verament ħasra li l-Oppożizzjoni ħarġet frontalment kontra avveniment kulturali li poġġiena fil-kalendarju kulturali internazzjonali u li huwa taħt il-patroċinju tal-UNESCO. Qal dan fi stqarrija l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Il-maltabiennale.art, qabel ma fetaħ il-bibien tiegħu, kien diġà qed jiġi indikat minn ġurnali internazzjonali ta’ fama u reputazzjoni bħala avveniment li jwassal lil pajjiżna jkun destinazzjoni li wieħed għandu jżur.
L-istqarrija tgħid kif il-kelliema tal-Oppożizzjoni, li lanqas fid-diskors tal-estimi għall-Budget ma tkellmet dwar dan l-avveniment kulturali prestiġjużi, ħarġet stqarrija mgħaġġla, u huwa aktar minn ċar il-veru mottivi ta’ Oppożizzjoni negattiva mehdija fit-tmaqdir fuq inizjattivi li jkomplu jsaħħu s-settur artistiku u kulturali f’pajjiżna.
Il-Ministeru spjega kif il-kelliema Julie Zahra għandha tifhem kif dan il-biennale jesponi t-taħlit utli għax-xena tal-arti diġà b’saħħitha f’Malta bejn l-artisti lokali u dawk barranin. Il-Ministeru jinnota wkoll li d-dħul għall-viżitaturi għall-biennale huma l-istess li wieħed iħallas biex jidħol fis-siti ta’ Heritage Malta. Allura ma kienx hemm żieda fil-prezz li jfisser li l-biennale huwa prattikament mingħajr ħlas meta tqis li qed taċċessa mużew u fl-istess ħin wirjiet sħaħ. Dan apparti li eluf kbar ta’ familji li membri tagħhom għandhom il-passaport ta’ Heritage Malta, li jagħti lil dak li jkun u lill-qrabatu aċċess bla ħlas f’kull sit ta’ Heritage Malta, il-maltabiennale.art huwa b’xejn għal dawn ukoll.
Intqal kif f’sensiela oħra ta’ fake news mill-Oppożizzjoni ntqal li l-biennale naqas li jagħmel programmi għat-tfal tal-iskejjel biex iżuru l-biennale. L-istqarrija temmet tgħid kif xejn m’hu iktar ’il bogħod mill-verità minn hekk, fil-fatt hemm programm u ilu għaddej sa minn qabel ma fetaħ il-biennale bl-involviment tal-artisti li qed jieħdu sehem. Żjarat u attivitajiet għat-tfal tal-iskejjel qed isiru kontinwament mingħajr ħlas għall-istudenti.