Il-Ministru Bartolo, għal darb’oħra, jiċħad bil-qawwa l-akkużi li qed tagħmel l-Oppożizzjoni li ma ttieħdux passi, jew li waqqaf lil xi ħadd milli jirrapporta dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.
Il-Ministeru qal li dawn huma kollha akkużi foloz u bla bażi li ma jirriflettux ir-realtà. Il-Ministru spjega kemm il-darba, kemm b’mod pubbliku u kemm lis-Sur Rizzo dak iż-żmien, li ma kien hemm l-ebda protezzjoni għal ebda persuna li tonqos milli tħares ir-regoli u l-liġi.
Fi stqarrija ġie spjegat li l-persuna konċernata tneħħiet minn kull xogħol relatat ma’ xogħol fl-iskejjel, wara talba tas-Sur Rizzo lill-Ministru, liema talba saret f’April u ġiet approvata minnufih mill-Ministru. Il-persuna msemmija tneħħiet għal kollox mix-xogħol tagħha fil-Fondazzjoni wara rapport ġdid tas-Sur Rizzo li fih kien hemm tagħrif ġdid.
Il-Ministeru qal li kif ġiet fi tmiemha investigazzjoni interna dwar il-falsifikazzjoni tad-dokumenti l-Ministru talab li jsir rapport lill-Pulizija u sussegwentement l-Internal Audit and Investigations Department (IAID) kienu mitluba jinvestigaw ukoll.
L-ittra tar-riżenja tas-Sur Rizzo, kif ukoll ir-risposta tal-Ministru u s-Segretarju Permanenti, intbagħtu lill-istess Pulizija, lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u lill-Internal Audit and Investigations Department biex jinvestigaw mentri ġiet offruta koperazzjoni sħiħa.