“L-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech għadha ma waqfitx tilgħab logħob politiku partiġġjan li mhux biss ma jwassalha mkien, iżda li l-poplu Malti u Għawdxi minnu ma jieħu xejn.” Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista sostna li filwaqt li l-Maltin u l-Għawdxin iridu għaqda nazzjonali, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista qed juru arroganza u partiġġjaniżmu sfrenat. Imma dwar id-deċiżjoni tal-FATF injorat għalkollox il-pjan ta’ azzjoni maqbul mal-istess FATF u ntilfet f’retorika partiġġjana.
Il-Partit Laburista saħaq li dwar il-pjan ta’ rkupru diġà qed tiddeskrivi bħala kożmetiku dak li għad irid jiġi diskuss fil-kumitat tal-parlament. L-Oppożizzjoni arroganti biżżejjed bdiet tmaqdar dak li għadha lanqas biss rat.
“Bernard Grech irid ineħħi t-tiketta ta’ negattiv. Iżda, biex ineħħiha jrid juri dan bl-azzjoni mhux bil-paroli. Għax il-Maltin u l-Għawdxin jafu li filwaqt li Grech jgħid li jrid ikun ikkonsultat, meta jkun hemm proċessi ta’ konsultazzjoni pubblika l-Oppożizzjoni kontinwament tagħżel li ma tipparteċipax u tkun totalment assenti”, tenna l-Partit Laburista.
Il-Partit Laburista temm jgħid li sal-lum Bernard Grech wera biss li hu politiku li jrid imaqdar mingħajr ma joffri alternattivi. F’kelma waħda qed l-Oppożizzjoni tibqa’ toffri politika cheap mibnija fuq id-diskors vojt filwaqt li tinjora r-realtajiet u l-interess nazzjonali.