Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili tgħid li l-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar emendi meħtieġa fil-Liġi tal-Kompetizzjoni toħroġ il-medjokrità li waqa’ fiha min qed jikkritika nuqqasijiet li daħħal hu stess b’emendi fl-2011.
L-istess Ministeru qal li minkejja li l-Oppożizzjoni tal-lum qed tipprova tilgħabha tad-difensur tad-drittijiet taċ-ċittadini, kienet hi stess li meta kienet fil-Gvern, b’daqqa ta’ pinna, neħħiet is-sorveljanza tal-Qrati Maltin minn multi fil-qasam tal-Kompetizzjoni u tefgħathom fuq Tribunal li stabilixxa dak iż-żmien. L-istatistika turi li ma kienx hemm il-ħtieġa għal din il-bidla għax mill-1994, meta daħlet il-Liġi tal-Kompetizzjoni, sal-2011 meta saru l-emendi, ma kien hemm l-ebda każ li twassal għal multi fil-qasam tal-Kompetizzjoni.
“Meta kienet f’pożizzjoni li tiddefendi d-drittijiet kostituzzjonali ta’ pajjiżna u twaqqaf milli jidħlu dawn l-emendi, l-Oppożizzjoni tal-lum m’għamlet xejn. Fejn kien dakinhar l-Membru Parlamentari Clyde Puli?” ġie mistoqsi fl-istqarrija. Il-Ministeru qal li l-Oppożizzjoni tkellmet biss issa wara li l-Qorti effettivament sabet li s-sistema li daħħal il-Gvern Nazzjonalista fl-2011 tmur kontra l-Kostituzzjoni.
Bħalma għamel f’diversi oqsma oħra f’Malta, dan il-Gvern mhux jitkellem, imma jaġixxi, sostna l-Ministeru. Għalhekk, il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili qal li se jkompli għaddej bl-emendi neċessarji biex in-nuqqasijiet li saru mill-Gvern preċedenti jiġu indirizzati bis-serjetà, fuq konvinzjoni u mhux konvenjenza.