Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għad-dikjarazzjoni ta’ membru parlamentari ewropew sabiex jiġi skattat Artiklu 7 fil-konfront ta’ Malta, hija minnha nnifisha ammissjoni ta’ riġettazzjoni ta’ dak kollu li ntqal fil-konfront ta’ Malta għal diversi snin minn esponenti Nazzjonalisti.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt stqarrija Ministerjali fil-Parlament iktar kmieni llum waqt diskussjoni dwar ir-rapport Greco.
“Ġejna f’sitwazzjoni hawnekk fejn dikjarazzjoni tal-Oppożizzjoni stess hemm fil-fehma tiegħi mod dirett ammisjoni ta’ riġettazzjoni ta’ dawk l-argument u allura minnha nnifisha case closed għaliha,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Muscat qal li l-Ewroparlamentari Giegold issuġġerrixxa li jiġi skattat Artiklu 7 fil-konfront ta’ Malta wara li għal snin twal sema’ esponenti tal-Parit Nazzjonalista jħammġu isem pajjiżna.
“L-argument kollha li uża dan l-MEP huma l-argument li ġew mitmugħha lilu kelma b’kelma minn esponenti minn parti mill-Oppożizzjoni. Li kieku jkunu veru dawk l-argumenti, il-mod ta’ kif pinġew lill-pajjiżna huwa ovju li jkun hemm Artiklu 7,” kompla jgħid il-PM.
Artiklu li l-Prim Ministru qal ikun ta’ detriment enormi għall-pajjiżna hekk kif fost oħrajn l-effetti tiegħu jinkludu t-tneħħiha tad-dritt tal-vot u l-fondi ewropej.
“Ifisser li Malta ma’ ikolliex iktar dritt tal-vot fil-fora ewropej, li jkollna fondi sospiżi,” qal Dr. Muscat.
Madankollu r-reazzjoni tal-istess esponenti nazzjonalisti minkejja l-aġenda tagħha li tħammeġ isem Malta kienet kontra dan l-artiklu.
“Mela imbgħad toħroġ l-Oppożizzjoni tgħid li ma naqblux li jkollna Artiklu 7,” saħaq il-Prim Ministru.
Fit-tmiem tad-diskors tiegħu l-Prim Ministru saħaq li minkejja r-riformi li saru f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin xorta għad fadal ħafna x’isir.
“Jien l-ewwel wieħed ngħid, is-sistema tagħna fadlilha ħafna x’itejjeb u x’titjieb. Nemmen li r-riformi li għamilna bħala Gvern kienu riformi mportanti imma huma biss parti minn proċess,” temm jgħid Dr Muscat.
Intant matul l-istess stqarrija ministerjali l-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew fejn fiha ġiet estiża d-data għal Brexit.
Filwaqt li spjega kif ir-Renju Unit irid jingħaqad sabiex jasal għal deċiżjoni dwar Brexit, il-Prim Ministru ħabbar li audit estern li sar ftit iktar minn xahar ilu kkonferma li Malta tinsab mħejjiha tajjeb għal kull eventwalitá.