Għal darboħra, l-Oppożizzjoni qiegħda turi l-ipokrezija tagħha meta titkellem fuq il-proġett tal-Gas Pipeline bejn Malta u Sqallija u meta tgħid li l-proġett tal-Pipeline inbeda taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Dan intqal mill-Gvern fi stqarrija li kompliet tgħid li dan il-proġett mhux talli ma nbediex taħt amministrazzjoni preċedenti, talli dan il-Gvern skont ukoll kif intwera fil-preżentazzjoni tal-lum beda jaħdem mill-2013 stess dwar dan il-proġett biex wasal f’dan l-istadju.
Gvern Nazzjonalista kellu ċ-ċans li jagħmel użu mill-proġett tal-Greenstream (pipeline bejn il-Libja u Sqallija) li jgħaddi biswit il-Gżejjer Maltin u dan m’għamlux.
Il-Gvern spjega li dan il-proġett ġie kkwalifikat bħala Project of Common Interest għall-Unjoni Ewropea f’Ottubru 2013 li jfisser li ser jiġi iffaċilitat il-proċess u l-burokrazija bejn l-Istati Membri involuti sabiex jiġi implimentat dan il-proġett fl-iqsar żmien possibbli. Illum il-ġurnata ġiet identifikata l-aħjar rotta għal dan il-Pipeline u għaddejja ħidma sfiqa biex dan jiġi implimentat.
Ix-xogħol kif sar u kif inbeda matul din il-leġiżlatura:
- Settembru 2013 – Tibda l-Feasibility Study u l-Cost Benefit Analysis permezz ta’ fondi ewropej;
- Ottubru 2013 – Il–proġett jiġi magħżul bħala Project of Common Interest mill-Unjoni Ewropea;
- Frar 2015- Jibdew il-laqgħat bilaterali ma’ Ruma;
- April 2015-Titlesta l-Feasibility Study u l-Cost Benefit Analysis;
- Novembru 2015 – Il-proġett jiġi kkonfermat għat-tieni darba bħala Project of Common Interest mill-Unjoni Ewropeja;
- Novembru 2015 – Tibda tiġi identifikata r-rotta u l-istudju dwar id-disinn bażiku tal-Pipeline. Tibda l-ħidma preparatorja għall-permitting process li hu ffinanzjat minn fondi tal-UE;
- Ottubru 2016 – Jibdew testijiet ġeoloġiċi f’Delimara dwar il-landing point tal-Pipeline;
- Dicembru 2016 – Jibdew laqgħat ta’ livell għoli bejn Malta u r-reġjun Sqalli;
- Marzu 2017 – Jitlestew l-istudji dwar id-disinn bażiku u r-rotta tal-Pipeline, kif ukoll il-landing points f’Malta u fi Sqallija;
- Mejju 2017 – Il–landing points u r-rotta tiġi kkonfermata bejn il-Gvern Malti u r-reġjun Sqalli.
Il-Gvern temm jgħid li għalhekk wieħed jista’ jifhem għalfejn dan il-proġett qatt ma ngħata prijorità taħt Gvernijiet Nazzjonalisti minkejja l-importanza tiegħu, meta wieħed jikkunsidra t-tip ta’ tixħim li kien hemm fix-xiri taż-żejt f’amministrazzjonijiet preċedenti.