Il-Korp tal-Pulizija llum għandu l-akbar preżenza ta’ uffiċjali fit-toroq Maltin u Għawdxin, grazzi għall-proġett tal-Pulizija tal-Komunità, fejn ir-riċerka kollha wkoll turi li n-nies iridu l-uffiċjali qrib tagħhom u mhux f’xi binja.
B’hekk il-Pulizija tal-Komunità żdiedu wkoll ma’ dawk li diġà kien hemm, jiġifieri tad-distrett, li wkoll għandhom rwol importanti ħafna li ġie rikonoxxut fl-aħħar ftehim settorjali ffirmat għall-uffiċjali ta’ din il-forza tal-ordni.
Dan ingħad fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol b’referenza għall-kritika mhux ġustifikata mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista dwar il-preżenza tal-pulizija fil-komunitajiet.
Ingħad li l-Gvern ukoll se jkompli jżid il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq u għal dan il-għan se jitħabbru aktar inizjattivi fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministeru wkoll iċċara li, fejn issemmiet l-Għassa tal-Imsida mill-kelliem tal-Oppożizzjoni, din hi biss magħluqa temporanjament minħabba xogħlijiet ta’ rinnovar kbir li għaddej ħalli l-pubbliku jkun jista’ jinqeda aħjar.
Kompla jingħad li dwar dan saret ukoll komunikazzjoni mal-Kunsill Lokali, u l-Pulizija se tkun preżenti fiċ-Ċentru Ċiviku għas-servizz tal-pubbliku. Il-Ministeru qal li hi ħasra li argumenti politiċi jiġu bbażati fuq nofs verità.
Dwar il-lokalità ta’ San Ġwann, il-Ministeru wkoll qal li hemmhekk għaddej ix-xogħol biex binja, li għandu l-Korp, tinfetaħ bħala uffiċċju għall-Pulizija tal-Komunità, l-istess bħalma diġà hemm fis-Swieqi.