L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tibqa’ tiżgwida b’rabta ma’ dokumentazzjoni mitluba, liema dokumenti ntalbu wkoll waqt il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar li saret nhar it-23 t’Ottubru. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista b’referenza għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista bit-titlu “Il-Gvern Laburista jkompli jinħeba wara l-legaliżmi”
Il-PL qal li t-tali dokumentazzjoni ma taqax taħt l-Artiklu 32(2) tal-Kap 552 iżda għal fini ta’ trasparenza u kontabblità, u kif diġà esprima l-pożizzjoni tiegħu fil-Kumitat Parlamentari, li kien iltaqa’ b’mod urġenti fuq talba tal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, tali dokumentazzjoni li ġiet mgħoddija lill-Awtorità tal-Ippjanar tirrifletti l-istruzzjonijiet għall-pubblikazzjoni tal-objettivi kif hemm ippubblikat fil-konsultazzjoni pubblika.
L-istqarrija temmet tgħid li jirriżulta li l-Oppożizzjoni taf b’dan għax għandha tweġiba parlamentari ċara għal dak li staqsiet. Il-Kap tal-Oppożizzjoni jaf ukoll x’iddikjara l-Ministru Clint Camilleri u għal dan m’għamel l-ebda ċaħda kategorika speċifika. Tassew Oppożizzjoni konfuża. Mhux ta’ b’xejn li minn ġewwa qalulhom “more beef.”