Il-Partit Nazzjonalista ħareġ jibbojkotja lil Angelo Gafà li huwa l-kandidat li qed jiġi referut għall-Kummissarju tal-Pulizija mill-Kabinett tal-Ministri.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li mhux se jkun qed jipparteċipa fil-kumitat, li se jagħmel skrutinju u jsaqsi l-mistoqsijiet lil Angelo Gafà.
Dan wara li għal ġimgħat sħaħ kien hemm inċertezza dwar x’se jagħmel il-Partit Nazzjonalista quddiem proċess bla preċedent li ttieħed mill-Gvern fejn għall-ewwel darba fl-istorja, pajjiżna se jkollu Kummissarju tal-Pulizija wara sejħa pubblika.
L-iskrutinju fuq il-kandidat għall-Kummissarju tal-Pulizija se jkun wieħed miftuħ u anki mxandar fuq it-televiżjoni biex il-pubbliku jara fil-kumdità tiegħu dak li jkun qed isir fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Gafà, li huwa l-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-pulizija, ġie riferut għal din il-kariga wara proċess indipendenti mill-Kummissjoni għas-servizz pubbliku, li eżaminat lil 14-il applikant li tefgħu l-applikazzjoni tagħhom għal din il-kariga.
Il-Kabinett tal-Ministri wara li kkunsidra ż-żewġ kandidati magħżula mill-Kummissjoni, iddeċieda li jirreferi lis-Sur Angelo Gafà bħala l-aktar wieħed addattat għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, għal smigħ parlamentari mill-Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi.
Għall-ewwel darba fl-istorja, il-Kummissarju tal-Pulizija se jinħatar bi proċess ta’ skrutinju mill-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi fil-Parlament. Il-proċess huwa wieħed aktar miftuħ u trasparenti u jmur pass iżjed ‘il quddiem mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja hekk kif il-Prim Ministru reħa l-veto minn idu dwar l-għażla tal-ogħla kariga fil-korp.