Tliet membri parlamentari tal-Oppożizzjoni flimkien kitbu stqarrija ta’ tliet paragrafi jistaqsu kif il-persuni self-employed li bbenefikaw sa issa mil-Covid Wage Supplement ma jammontawx għat-total ta’ persuni self-employed f’pajjizna.
Jidher li tal-Oppożizzjoni diffiċli jifhmu li l-aġġornament li qed jagħti dan il-ministeru flimkien mal-Malta Enterprise ta’ kull ġimgħa, jinkludi proprju l-figuri ta’ kemm applikaw negozji u persuni self-employed sa issa, u ma hemmx limitu ta’ kemm jistgħu japplikaw persuni self-employed jew kemm se jgħin il-Gvern. Dan sostnieh il-Gvern fi stqarrija.
Sa nhar il-Ġimgha, 17 ta’ April, kienu 77,000 il-ħaddiema li jistgħu jiġu mgħejuna permezz tal-applikazzjonijiet li saru sa issa għall-Covid Wage Supplement. Minn dawn l-applikazzjonijiet hemm 12,161 li saru minn persuni self-employed.
L-applikazzjonijiet għadhom miftuħa u dawk in-negozji kollha li huma milquta, inkluż il-persuni self-employed, jistgħu japplikaw għall-għajnuna mil-Malta Enterprise onlajn fuq covid19.maltaenterprise.com.
Dawn l-aġġornamenti li qed isiru mill-Ministeru għall-Ekonomija u mill-Malta Enterprise huma intiżi sabiex iżidu t-trasparenza ta’ kif il-flus mit-taxxi tal-poplu qegħdin jintużaw biex nissalvagwardjaw l-impjiegi. Jidher iżda li għall-Oppożizzjoni diffiċli li jifhmu xi ħaġa bażika bħal din.
Fl-isfond ta’ dan, tajjeb li wieħed ifakkar kif sa ftit żmien ilu, l-Oppożizzjoni kienet qed tgħid li persuni self-employed mhumiex jingħataw għajnuna u issa bidlu d-diska għax qed jammettu li ngħataw l-għajnuna mill-Gvern. Donnu li l-Oppożizzjoni tieħu pjaċir jekk tara aktar persuni self-employed jaffaċċjaw problemi finanzjarji u jitolbu l-għajnuna tal-Gvern.