Bil-konferenza stampa tal-lum, l-Oppożizzjoni kompliet tipprova tagħmel bsaten fir-roti biex ma ssirx il-qalba mill-heavy fuel oil għall-gass. Dan meta r-risposti li qed titkellem dwarhom ilhom fuq is-sit elettroniku tal-konsultazzjoni pubblika, u huma aċċessibbli għal kulħadd, li jfisser li jew l-Oppożizzjoni trid tqarraq bin-nies, jew sempliċiment ma tikkonfermax il-fatti.
Dan qalu l-Gvern fi stqarrija fejn ġie spjegat li b’dan l-aġir tkompli toħroġ in-negattività tal-Oppożizzjoni li għadha kontra l-qalba għall-gass, liema qalba tfisser sostenibbiltà fir-roħs tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, 50% inqas fl-emissjonijiet u 90% inqas trab fl-arja.
L-Oppożizzjoni m’għandhiex il-kredenzjali li titkellem dwar is-settur tal-enerġija meta m’għandha l-ebda pjan konkret għall-pajjiż. Il-Gvern fisser li bl-argumenti tal-Oppożizzjoni, il-power station l-antika tal-Marsa kienet titħalla miftuħa u Malta tibqa’ tiġġenera l-enerġija permezz tal-aktar żejt li jniġġes.
B’dan l-aġir, l-Oppożizzjoni qed turi kemm hi irresponsabbli meta qed tipprova tiskurja punti politiċi fuq l-interess nazzjonali. L-Oppożizzjoni għadha taġixxi bit-theddid fuq l-awtoritajiet għall-interess partiġġjan tagħha, meta ż-żmien ta’ theddid fuq l-awtoritajiet ilu li spiċċa, temmet tgħid l-istqarrija.