Bernard Grech u l-estremisti li poġġewh fil-kariga, qed irendu lill-Partit Nazzjonalista fl-aktar Oppożizzjoni negattiva fl-istorja tal-pajjiż.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija, li nnota kif l-Oppożizzjoni hija għalkollox iżolata fl-attakk fuq il-Professur Edward Scicluna, li mhux biss kiseb l-aqwa riżultati finanzjarji għal pajjiżna bħala Ministru għall-Finanzi, imma jgawdi wkoll minn rispett kbir fuq livell internazzjonali.
Il-Partit Laburista rrimarka li Edward Scicluna tant huwa kompetenti, li Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti ħatruh f’diversi pożizzjonijiet għolja fosthom l-eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, li ħatru bħala direttur tal-istess Bank Ċentrali, u l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li ħatru bħala membru fuq il-kumitat nazzjonali għall-bidla fl-ewro.
L-istqarrija tal-Partit Laburista kompliet tinnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni attakka lil Edward Scicluna għax skontu, mhuwiex aċċettabbli li Ministru għall-Finanzi jsir Gvernatur tal-Bank Ċentrali, imma nesa li dan huwa l-każ f’pajjiżi bħall-Portugall, l-Islovakkja u l-Greċja.
Il-Partit Laburista fakkar li l-Professur Josef Bonnici kien Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u ntbagħat fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri u nħatar bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta minn Gvern Nazzjonalista.
U għax il-Professur Bonnici huwa kompetenti, fl-elfejn u sbatax kien inħatar Chairperson tal-Bank Malti għall-Iżvilupp minn Gvern Laburista.
L-istqarrija tal-Partit Laburista temmet tinnota d-differenza kruċjali bejn iż-żewġ partiti. Il-Partit Nazzjonalista, li jattakka lil kull min ma jkunx tal-istess twemmin tiegħu, u l-Partit Laburista, li lest jaħdem ma’ kull min iħobb lil Malta biex imexxiha ‘l quddiem.