L-Oppożizzjoni ma tridx tħalli lill-Gvern jagħmel stqarrija ministerjali dwar il-linja nazzjonali tal-ajru.
Il-Partit Laburista qal, fi stqarrija, li l-membri tal-Partit Nazzjonalista fil-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra oġġezzjonaw li l-Gvern jinforma lill-Parlament bi stqarrija ministerjali, kif inhu d-dritt tiegħu li jagħmel.
Dan wara li r-rappreżentanti tal-Gvern fl-istess kumitat, informaw li l-Prim Ministru u l-Ministru għall-Finanzi se jagħmlu stqarrija ministerjali. Ir-rappreżentanti tal-Gvern spjegaw li, għal din l-istqarrija, jkunu jistgħu jirreaġġixxu l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-suġġett, waqt li jagħmlu d-domandi wkoll id-deputati Parlamentari skont l-istanding orders.
Il-Partit Laburista stqarr li hu ironika l-fatt li s-soltu l-Oppożizzjoni tilmenta li trid aktar stqarrijiet ministerjali, imma issa qed tirrifjuta li jsir dan.
Il-Partit Laburista temm jgħid li, għal darb’oħra, din hi attitudni ta’ min hu mhedi biss fil-partiġġjaniżmu u jitfa’ fil-ġenb l-interess nazzjonali.