L-Oppożizzjoni m’għandhiex idea ta’ xi tfisser konsistenza anke meta tiġi biex titkellem dwar l-istituzzjonijiet. Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio.
“Tbiddel il-pożizzjoni tagħha kull ġimgħa jew kull tliet ijiem. Għandna oppożizzjoni li l-ewwel tgħid li l-istituzzjonijiet huma hijacked mill-Gvern imbagħad tirrinunzja r-rappreżentanza tagħha mill-istess istituzzjonijiet biex iżżomm il-gvern responsabbli u bi trasparenza,” qal il-Prim Ministru li rrefera kif rappreżentata tal-Oppożizzjoni qalet li se tirriżenja mill-Awtorità tal-Ippjanar u r-rappreżentant fl-Awtorità tal-Artijiet kien qal li jrid jibqa’. “Ġimagħtejn wara jibdlu l-pożizzjoni,” qal Joseph Muscat li nnota kif il-ġustifikazzjoni għal dan tkun deċiżjoni li issa ilha li ttieħdet xhur. “Jidher ċar li hemm kontradizzjonijiet,” qal il-Prim Ministru.
Anke dwar il-Qrati l-Oppożizzjoni hi inkonsistenti. “L-ewwel tikkritika l-qrati meta ma tiddeċidiex favurihom u tfaħħarhom meta tiddeċiedi favuriha. Għandna oppożizzjoni li l-ewwel tgħid li l-qrati huma hijacked imbagħad toħroġ tieħu pjaċir b’deċiżjoni tal-istess qrati li skont hi tiġġustifika l-kritika tagħha. Din hi n-nuqqas ta’ konsistenza li jekk xejn mhux toħloq problema lill-istituzzjonijiet, iżda toħloq problema għall-Oppożizzjoni,” żied il-Prim Ministru li tenna kif il-Gvern se jibqa’ għaddej bir-riformi.
“Dan hu l-inqas gvern li għandu setgħa fuq l-istituzzjonijiet. Prim Ministri ta’ qabel setgħu jaħtru Imħallfin li riedu huma. Jien bħala Prim Ministru rrid noqgħod fuq parir li jiġi mgħoddi lili,” qal il-Prim Ministru li fakkar kif din hi Kummissjoni magħmula minn nies indipendenti mill-Gvern.
Il-Prim Ministru qal li dan hu Gvern li mhux se jissupervja u se jkompli jaħdem biex ikun hemm iktar riformi. “Illum indunajna li jekk ma jagħmilhomx dan il-Gvern il-bidliet ma jagħmilhom ħadd,” kompla Joseph Muscat li fakkar kif il-kritika hi dwar liġijiet li ilhom fis-seħħ minn żmien l-Indipendenza.