L-Oppożizzjoni qed tipprova tagħti l-impressjoni falza li fil-Munxar beda jopera xi “impjant tar-riċiklaġġ tad-demel tal-bhejjem”. Qalu dan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima pemezz ta’ stqarrija fejn komplew billi qalu li wieħed jistenna aħjar minn deputat Għawdxi li qed jaspira li jsir Kap u minn kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex. Il-Ministeri qalu li kull ma jridu jagħmlu huwa li jmorru sal-post imsemmi u jindunaw li dan huwa assolutament ivvintat.
L-istqarrija kompliet billi qalet li hemm s’issa huwa biss interess mis-settur privat biex issir riċerka fuq soluzzjoni għall-isfida ambjentali li teżisti bl-ammont ta’ slurry iġġenerat f’pajjiżna, b’mod partikolari f’Għawdex. Ġie spjegat kif naturalment kull proġett ta’ dan it-tip irid jgħaddi mill-proċess indipendenti tal-ippjanar u għalhekk huwa ovvju li mhux talli ma bediex jaħdem, talli għadu lanqas ġie pproċessat mill-awtoritajiet ikkonċernati.
Il-Ministeri qalu li r-realtà hija li f’Għawdex l-ammont ta’ slurry huwa ogħla mill-medja nazzjonali u m’hemmx fejn ir-raħħala jiddisponu minnu. Bħalissa fil-fatt hemm xhur twal b’lura mingħajr ma ġie trattat. Slurry mhux trattat fuq l-art jista’ jikkawża problemi serji fil-water table. Jekk jintrema fid-drenaġġ, dan is-slurry mhux trattat jista’ jispiċċa fil-baħar b’konsegwenzi negattivi ħafna jew jista’ jikkawża ħsarat kbar fl-impjanti tad-drenaġġ għad-detriment tal-poplu b’mod ġenerali.
L-istqarrija tispjega kif l-operatur privat qed iressaq proposta mhux għal demmiela li jiddepożita materjal fuq barra, kif qed tgħid b’mod żbaljat l-Oppożizzjoni, imma għal teknoloġija ppruvata f’pajjiżi oħra Ewropej li tittratta u tissepara d-demel fuq ġewwa u jirritorna l-iskart solidu lir-raħħala.
Il-Ministeri temmu billi qalu li filwaqt li l-Oppożizzjoni għandha tinforma ruħha qabel tfajjar bl-addoċċ, xogħol il-Gvern huwa li jsegwi l-iżvilupp tal-proċess li hemm quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u tal-istudji tekniċi li qed isiru, biex deċiżjonijiet jittieħdu skont analiżi indipendenti u xjentifika u b’konsultazzjoni kull fejn ikun hemm il-ħtieġa, mhux b’logħob partiġjan għall-gallarija.