L-Oppożizzjoni Nazzjonalista għandha tiddeċiedi xi trid mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA. Dan qalu l-Gvern meta wieġeb għall-aħħar stqarrija mill-Partit Nazzjonalista dwar l-azzjoni f’waqtha li ħadet l-MFSA dwar Satabank.
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali, u Innovazzjoni tenna li filwaqt li l-gvern se jara li kemm jista’ jkun dawk il-kumpaniji u persuni li għandhom il-flus tagħhom f’dan il-bank ikunu mgħejuna, fil-limiti li tagħtih il-liġi, l-istess Oppożizzjoni għandha tiddeċiedi xi trid mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji.
Il-Gvern spjega kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li fi kliemu tilfet kull nitfa kredibilità, filgħodu tgħid li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ma tagħmel xejn biex tiġġieled il-ħasil ta’ flus u l-abbużi, u filgħaxija tattakka lill-istess awtorità għax tieħu l-azzjonijiet li jkunu meħtieġa.
Qal li l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għandhom jieqfu jippruvaw jimminaw ħidmet l-awtorità, u jekk verament jemmnu lil kliemhom stess, għandhom iħallu lil din l-awtorità indipendenti twettaq ħidmietha f’serenità kompleta.
Il-gvern qal li jinsab ċert li l-MFSA qed tieħu l-inizjattivi kollha meħtieġa sabiex tgħin lill-klijenti li intortament spiċċaw vittma tas-sitwazzjoni. Intant, l-appell aħħari tal-gvern, li issa ilu jsir għal numru ta’ xhur, huwa sabiex l-Oppożizzjoni tieqaf tuża s-settur tas-servizzi finanzjarji għal skopijiet partiġġjani, għaliex dan huwa settur li fuqu jiddependu l-impjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Temm jingħad li għall-gvern, il-prijorità jibqa’ s-settur finanzjarju, il-ħaddiema, kif ukoll il-klijenti ta’ Satabank.