Bil-pożizzjoni tagħha kontra l-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza għal min ħaqqu, l-Oppożizzjoni qed terġa’ turi li hija kontra l-interessi tat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna, anke f’setturi li mexjin ‘il quddiem.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja qal li d-dubji li l-Oppożizzjoni qed titfa’ bl-addoċċ u bla ebda provi fuq l-aġenzija Identity Malta huma eżattament bil-maqlub tal-pożizzjoni ta’ min iħaddem li spiss jappellaw lill-Gvern biex joħroġ aktar permessi lill-ħaddiema li jaħdmu f’oqsma fejn hemm bżonn.
Fi stqarrija ġie spjegat li qed naraw żidiet importanti fil-ħruġ ta’ permessi fil-kategorija tax-xogħol li huwa sinjal pożittiv ta’ ekonomija li qed tikber u pagi attraenti f’numru ta’ oqsma. Ma’ dawn kien hemm żieda fil-kategorija tal-membri tal-familja, żieda li ġiet riflessa bl-istess mod madwar il-kumplament tal-Ewropa. Din il-kategorija tiġbor fiha wkoll ċittadini ta’ pajjiż terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadini Ewropej li jgħixu u jaħdmu f’Malta.
Hemm ukoll skopijiet edukattivi, b’ħafna tfal li jistudjaw fi skejjel privati f’Malta u, minħabba li huma minuri, jinsabu akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom.
Il-Ministeru spjega li l-kampanja negattiva ta’ Simon Busuttil, bil-mezzi kollha tiegħu, hija bbażata fuq żbalji bażiċi. Mhu minnu xejn li ngħataw 14,000 permess ta’ residenza lil-Libjani. Kieku kellu d-diċenza mqar jivverifika ċ-ċifri, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien jinduna li l-Libjani residenti f’Malta f’sena waħda naqsu b’912, minn 3,486 fl-2014 għal 2,574 fl-2015.
L-Oppożizzjoni tagħmel tajjeb li tifhem ukoll li ma jfissirx lanqas li ħarġu dawn in-numri ta’ permessi f’sena imma li fl-aħħar tas-sena kien hemm dawk l-ammonti bil-permess validu.
Simon Busuttil qed jikkwota statistika b’mod żbaljat fuq pajjiżi żgħar li bilfors jirreġistraw rati għoljin. Il-verità hija li mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea nħarġu 2.6 miljun permess ta’ residenza għall-ewwel darba u għalhekk in-numri ta’ Malta huma meta mqabblin mal-ammont globali – lanqas nofs punt perċentwali.
Fl-istqarrija ntqal li flok tattakka bl-addoċċ, l-Oppożizzjoni għandha tgħid minn fejn biħsiebha tnaqqas il-permessi ta’ residenza. Mill-IIP? Mill-ħaddiema li hemm bżonn fosthom fl-isptarijiet pubbliċi? Mit-turiżmu mediku fil-privat? Mill-qasam tal-edukazzjoni? Mill-barranin li żżewġu Maltin?