Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista għandu ferneżija jara l-Gvern iġib il-bidliet li jeħtieġu u jixtiequ ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
L-istqarrija qalet kif il-Gvern ilu xhur li mbarka fuq għadd ta’ inizjattivi li jsaħħu l-kontroll tal-awtoritajiet Maltin u l-kwalità tal-ħaddiema li jiġu lejn pajjiżna fejn meħtieġ. Għalhekk hemm differenza kbira bejn dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u dak li l-Gvern ilu jimplimenta bħala parti mill-programm tiegħu.
Il-Partit Laburista żied jgħid li l-Gvern jaħdem bi pjan, u l-Kap tal-Oppożizzjoni jaħdem b’politika populista fejn saħansitra l-kelliema tiegħu qalu li se jġibu lura l-popolazzjoni kif kienet lura fl-2013 u jkeċċi minn lejl għal nhar il-ħaddiema.
“Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem b’mod dispreġjattiv u hedded li se jkeċċi l-ħaddiema f’setturi importanti u daqshekk sensittivi bħall-anzjanità u s-saħħa, b’theddida għas-servizzi kruċjali li jieħdu l-Maltin u l-Għawdxin. Min-naħa l-oħra, il-Gvern jitkellem fuq miżuri sensibbli, li jagħmlu sens u li jitwettqu bi pjan. Għax hekk jaħdem min hu serju.”
Il-Partit Laburista qal li dan jidher f’setturi differenti fejn il-ħidma diġa’ bdiet tħalli l-frott bħal fis-settur tal-karozzi tal-passiġġieri, jew inkella hija avvanzata bħall-introduzzjoni tal-iskills card fis-settur tat-turiżmu.
Għalhekk hemm differenza kbira bejn l-inizjattivi bi pjan u l-populiżmu tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Populiżmu li jiżdied kull darba, li joħroġ iktar biċ-ċar li l-Partit Laburista għandu s-soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.