“L-Oppożizzjoni flok irringrazzjat lis-suldati tal-AFM qed tipprova titfagħhom għomorhom il-ħabs.”
Hekk saħaq il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE, il-Ħadd filgħodu.
Meta mistoqsi dwar is-suġġett tal-immigrazzjoni u l-iżviluppi li feġġew matul din il-ġimgħa b’rabta mal-każ tal-P52, il-Prim Ministru sostna li huwa dispjaċut bl-Oppożizzjoni.
“Iva dispjaċut għaliex f’mument fejn il-Forzi Armati tagħna tant qegħdin jagħmlu xogħol tajjeb flimkien mal-bqija tal-Forzi tal-Ordni kellhom jiġu mfaċċati b’din l-azzjoni. Azzjoni kompletament inġusta.” Esprima l-Prim Ministru Abela.
Il-Prim Ministru Abela sostna li hekk kif l-Oppożizzjoni baqgħet ma ddistakkatx ruħha, iżda għamlet tagħha l-allegazzjonijiet li ressaq Jason Azzopardi, qed tiprova tibgħat lil dawn is-suldati għomorhom il-ħabs.
Kompla jgħid, “L-iżjed, l-iżjed l-id tal-Oppożizzjoni li tinkwetani ħafna. L-Oppożizzjoni li flok irringrazzjat lill-Forzi tagħna ta’ dan ix-xogħol kollu li qegħdin jagħmlu, qed tipprova titfagħhom għomorhom il-ħabs.”
Fid-dawl tal-provi ġodda li feġġew matul din il-ġimgħa b’rabta ma’ dan il-każ u l-irtirar tal-allegazzjonijiet oriġinali, il-Prim Ministru Robert Abela qal hekk.
Dr Abela saħaq, “Dak li sar, sar u dak li sar il-poplu ma hu ser jinsieħ qatt għaliex f’mument tant kruċjali u delikat għal pajjiżna. F’mument sensittiv fejn qed nitkellmu hawn dwar is-saħħa ta’ nofs miljun ruħ li qegħdin jgħixu f’Malta u f’Għawdex. Hawnekk dak kien mument fejn f’mument tant sensittiv xi ħadd dehrlu li kellu jkisser dik il-katina ta’ ħidma li bdiet issir f’livell nazzjonali b’mod kollettiv. Ħadd ma beda jitkellem dwar termini ta’ Laburisti, ta’ Nazzjonalisti ta’ politikà. Imma bdejna nħarsu biss l-interess nazzjonali.”
Il-Prim Ministru temm jappella għar-responsabbiltà u sostna li min jipriedka dwar is-saltna tad-dritt għandu wkoll jgħixa.
Il-Prim Ministru tenna, “Nittama li min jipriedka fuq is-Saltna tad-Dritt, is-Saltna tad-Dritt mhux tipriedka dwarha trid. Temmen fiha, tkun konvint fiha u tgħixa fuq kollox is-Saltna tad-Dritt. Ma tistax inti tkun temmen fis-Saltna tad-Dritt u fl-istess waqt tmur tiddenunzja reat li jġorr miegħu għomor il-ħabs.”