Il-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali għamel referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista u nnota b’dispjaċir it-tentattiv tal-istess partit biex jintefa’ dell ikrah fuq l-iskema li ser tkun strumentali fil-ħajja ta’ familji bi tfal jew adulti li bl-awtiżmu jew diffikultajiet sensorjali.
Fi stqarrija, il-Ministeru saħaq li din hija skema trasparenti, ċara u aċċessibbli għal kulħadd, b’termini u kundizzjonijiet li wieħed jista’ faċilment jaċċessahom onlajn.
Xhieda ta’ dawn huma l-mijiet ta’ talbiet li rċeviet l-Awtorità tad-Djar, saħaq l-istess Ministeru. Dawn it-talbiet ixejnu għall-aħħar id-dikjarazzjonijiet mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministeru saħaq li jinsab diżappuntat bl-aġir tal-Oppożizzjoni u stqarr li l-istess Oppożizzjoni ħaditha drawwa tipprova tiżra d-dubju f’moħħ in-nies għal skopijiet politiċi kull meta l-gvern iħabbar inizjattiva li toħloq il-ġid u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji.
L-istqarrija temmet billi l-Ministeru stieden lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex tinforma ruħha aħjar u tressaq ’il quddiem proposti li ma jkunux diġà fis-seħħ qabel ma toħroġ l-istqarrijiet.