Il-Gvern irreaġġixxa għall-istqarrija maħruġa mill-Oppożizzjoni dwar l-Air Malta, fejn sostna li hija ħasra li minkejja li għall-gallarija tgħid li ma ddaħħalx politika partiġjana, l-Oppożizzjoni ma’ kull ċans tipprova tagħmel il-ħsara u ma titlifx opportunità li titla’ fuq xi karru politiku anke fejn jidħlu deċiżjonijiet kummerċjali tal-linja tal-ajru.
Il-management u l-board tad-diretturi tal-Air Malta qed jieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn f’settur tal-linji tal-ajru Ewropew tant kompetittiv sabiex l-Air Malta tibqa’ fuq saqajha.
L-istqarrija tispjega li kien taħt amministrazzjoni tal-Oppożizzjoni stess li ftit tas-snin ilu ġabet lill-kumpanija f’xifer il-falliment u daħal fi pjan ta’ ristrutturar mal-Kummissjoni Ewropea fejn f’daqqa waħda qata’ ħesrem ammont kbir ta’ rotot li tat lok li linji tal-ajru oħra jidħlu f’rotot lukrattivi għalina.
Il-Gvern qal li fejn tidħol l-Air Malta se jkun qed iħares ‘l quddiem u ser ikompli jaċċerta l-vijabbiltà kummerċjali tal-linja tal-ajru.
Li hu żgur hu li l-Gvern ma tantx jista’ jieħu lezzjonijiet mill-Oppożizzjoni fuq l-Air Malta għaliex l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda kredibbiltà fejn tidħol l-Air Malta.