Fi stqarrija s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, Sivio Schembri qal li bl-istess dagħdigħa negattiva u distruttiva tas-soltu, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar is-settur tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna iżda nesa jsemmi li hija biss l-Oppożizzjoni li qed tipprova tħott dan il-qasam permezz tal-ħsara kordinata kemm fuq bażi lokali kif ukoll fuq bażi internazzjonali.
Dan il-Gvern ħadem u qed jaħdem qatigħ f’dan il-qasam sabiex ikompli jkun imsaħħaħ dejjem aktar billi fost l-oħrajn ingħataw aktar għodod lir-regolatur.
Biżżejjed wieħed jgħid li fl-aħħar sentejn biss kien hemm żieda ta’ 1,458 impjieg ġdid f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija tagħna.
Is-settur illum il-ġurnata kiber, u kiber b’mod b’saħħtu ħafna u qed jimraħ f’oqsma ġodda bħal blockchain, regtech u fintech li dan il-Gvern ħoloq l-ambjent adattat sabiex jikbru, kompliet tgħid l-istqarrija ta’ Schembri.
Schembri sostna li jkun aħjar li kieku l-Oppożizzjoni għal darba, tieqaf tagħmel minn dan is-settur ballun politiku u ma tkomplix tipperikola hi, bin-nuqqas ta’ veritarjiet li qed tmexxi l-impjiegi ta’ tant.
Illum nafu fiċ-ċert li l-unika ħaġa li nħattet u qed tinħatt hija l-Oppożizzjoni. Is-servizzi finanzjarji, grazzi għal ħidmet il-Gvern u għal ħidmet l-istakeholders kollha fil-qasam, qed jikbru dejjem aktar, temm tgħid l-istqarrija ta’ Silvio Schembri.