Hekk kif tħabbret ir-riforma – Ġustizzja aktar effettiva mal-vittmi tad-Droga – l-oppożizzjoni qed tagħti mpressjoni qarrieqa, fejn kuntrarjament għall-interpretazzjoni skorretta tal-Partit Nazzjonalista, il-Konsultazzjoni Pubblika dwar is-suġġett għandha fiċ-ċentru tagħha l-vittmi tal-pjaga soċjali tad-droga u mhux it-traffikanti tad-droga.
Rigward din ir-riforma, il-pieni marbuta mar-reati tad-droga se jibqgħu l-istess, biex jibqgħu jservu ta’ deterrent qawwi kontra t-traffikar tad-droga u l-ebda traffikant ta’ droga mhu se jeħlisha ħafif b’inforzar ta’ pieni iebsin u xierqa.
Wara li l-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Gvern qed jagħmel dawn il-proposti għax qed jitlef il-gwerra kontra t-traffikar tad-droga u qata’ qalbu li qatt jista’ jirbaħha, il-Gvern stqarr li dan ma huwa veru xejn hekk kif il-varjazzjoni fl-ammonti indikattivi tal-linji gwida, hija intiża li tkompli tibni fuq ir-riforma li implimenta Gvern fl-2014.
Din se tagħti diskrezzjoni lill-Qrati tagħna biex fejn jaraw li hemm każ ta’ persuni dipendenti fuq id-droga u bi prospett ta’ riabilitazzjoni, dawn jingħataw ċans jidħlu għal proċess rijabilitattiv.
Barra minn hekk, l-ammonti li qed ikunu ċitati b’mod skorrett mill-Oppożizzjoni, bl-ebda mod ma jitqiesu li huma għall-użu personali, bl-istess mod li ma jiġux meqjusa hekk l-ammonti stabbiliti fil-liġi, li diġà hemm fis-seħħ. Huwa għalhekk deplorabbli li l-Oppożizzjoni qed terġa’ tagħmel ballun politiku u qiegħda tattakka l-opportunitajiet għal proċess rijabilitattiv lill-vittmi tad-droga, billi b’mod skorrett u qarrieqi qed tipprova tpinġi li dan qed isir favur it-traffikanti tad-droga.