Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma jiflaħx jara s-suċċess li qed jirreġistra pajjiżna bil-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. Malli tħabbar li Malta diġà daħħlet mat-300 miljun f’investiment, l-Oppożizzjoni tatha rasha u bdiet terġa’ tattakka bl-istess mod aggressiv kif kienet għamlet fit-tnedija ta’ dan il-programm li huwa approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
L-ewwel, id-deputat Jason Azzopardi vvinta storja li l-Ministru Bonnici gideb lill-Parlament, liema allegazzjoni ġiet imwarrba mill-Ispeaker li sab lil Jason Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ prima facie.Illum, l-istess Jason Azzopardi flimkien mal-Viċi Kap tiegħu Beppe Fenech Adami qed jgħidu li qed tinkiser il-Kostituzzjoni u għalhekk ressqu protest ġudizzjarju.
Lil hinn min-negattività tal-Oppożizzjoni, ir-realtà hija li l-ismijiet kollha ta’ min jingħata ċittadinanza Maltija, inkluż bil-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, jiġu ppublikati kull sena fil-Gazzetta tal–Gvern; għalhekk m’huwa minnu xejn li l-Gvern qed jipprova jaħbi xi ismijiet, kif qed tagħmel l-Oppożizzjoni bl-iskema ta’ dejn sigriet li qed tħaddem.
Tant kemm l-ismijiet taċ-ċittadinanza huma pubbliċi li l-Oppożizzjoni, kif għandha kull dritt, kienet fetħet numru ta’ kawżi l-Qorti kontra persuni li ngħataw iċ-ċittadinanza biex isimhom jitneħħa minn fuq ir-reġistru elettorali.
Iġifieri m’hemm ebda kwistjoni ta’ ħabi imma sempliċiment dwar jekk ċittadin Malti ġdid għandux jiddaħħal ismu fir-reġistru elettorali meta jkun iddikjara hu stess minn jeddu li m’għandux ikollu d-dritt tal-vot. Fuq din il-kwistjoni, it-taħditiet bejn l-entitajiet responsabbli, immexxija mill-Ministru Bonnici, jinsabu fi stadju avvanzat ħafna.
Ma jeżistu ebda votanti anonimi f’pajjiżna, għalhekk ma’ jista jeżisti ebda ħabi kif qed tivvinta l-Oppożizzjoni. Dan l-allarmiżmu u l-populiżmu huwa biss parti mil-logħob partiġjan li tehda fih l-Oppożizzjoni waqt li l-Gvern ikompli jattira f’Malta nies ta’ reputazzjoni globali.
L-unika interess tal-Oppożizzjoni huwa li treġġa’ l-arloġġ lura għaż-żmien meta l-investiment f’pajjiżna kien staġnat. Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni dejjem jimplika l-ħażin, ir-regolatur indipendenti faħħar il-proċess ta’ due diligence li qed jassigura serjetà u skrutinju.
Fis-suċċess tal-programm qed jieħdu sehem operaturi qrib ħafna ta’ Dr Busuttil. L-unika vuċi negattiva tibqa’ biss l-Oppożizzjoni, għaliex ma tridx li pajjiżna jkollu l-fondi biex jibda jwettaq proġetti soċjali għal benefiċċju tal-familji kollha Maltin u Għawdxin.