Flimkien ma’ rappreżentanti oħra tal-gżejjer Mediterranji, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana indirizzat sessjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni waqt seduta speċjali ffukata fuq il-bżonnijiet, l-isfidi u l-opportunitajiet għall-politika reġjonali Ewropeja wara l-2020, bi preparazzjoni għall-programm operazzjonali 2021-2027.
Il-Ministru Caruana qalet li, minkejja d-diffikultajiet minħabba l-insularità doppja, Għawdex qed jilħaq miri importanti, hekk kif l-ekonomija Għawdxija qed tkompli tissaħħaħ u tiddiversifika ruħha, filwaqt li l-qagħad qiegħed ikompli jonqos. Fost oħrajn, il-Ministru għal Għawdex elenkat il-bżonn li l-Unjoni Ewropeja timplimenta politika reġjonali addattata sabiex gżejjer żgħar jingħataw trattament speċifiku, biex ikomplu itejbu l-qafas territorjali, ekonomiku u soċjali. B’enfasi partikolari, il-Ministru għal Għawdex irreferiet għal kif il-qafas regolatorju ta’ state-aid għandu jkun aktar flessibli fil-konfront tal-gżejjer żgħar u li jinsabu fil-periferija tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Caruana qalet li l-gżejjer Mediterranji għandhom sfidi komuni, u għalekk jeħtieġ soluzzjonijiet komuni u permanenti, biex dawn jinbidlu f’opportunitajiet ġodda għal kulħadd. Elenkat diversi proġetti u inizjattivi li qed jimplimenta l-Ministeru għal Għawdex biex jingħelbu l-isfidi, fost l-oħrajn il-protezzjoni ambjentali b’mod partikolari l-kwalità tal-arja, l-identità u l-wirt kulturali. Sostniet l-impenn tal-gvern biex tingħeleb l-isfida tal-aċċessibilità, u għalekk l-introduzzjoni tar-rabà vapur, tal-fast ferry, tal-mina bejn il-gżejjer u tal-konnessjoni bl-ajru. Il-Ministru Caruana semmiet ukoll l-aċċessibilità diġitali biex jinħolqu aktar opportunitajiet, anke fil-qasam tal-innovazzjoni u tat-teknoloġija.
Fl-aħħar tas-seduta, il-Ministru Caruana, f’isem Għawdex, flimkien mar-rappreżentanti ta’ Korsika u l-Gżejjer Baleariċi, iffirmaw dikjarazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ aktar attenzjoni speċjali lill-gżejjer Mediterranji u l-importanza li għanda tingħata lill-Artiklu 174, li jiffoka speċifikament fuq il-bżonnijiet u l-iżvilupp reġjonali tal-gżejjer.
Photos – Ray Attard