Nhar it-Tlieta f’pajjiżna għandu jsir workshop dwar l-opportunitajiet fil-Libja. Minkejja l-kriżi attwali, se jkun diskuss il-ġejjieni għall-futur tal-Libja, f’workshop organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ Maltija-Libjana. Dan f’koperazzjoni mal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, u l-Assoċjazzjoni tan-Negozju Ġermaniżi-Afrikana.
Se jkunu diskussi mezzi kif kumpaniji f’Malta, jew li jużaw Malta bħala bażi, jikkollaboraw ma’ kumpaniji Ġermaniżi li qed ifittxu li jagħmlu negozju fil-Libja. Għalhekk se jkun hemm numru ta’ kumpaniji Ġermaniżi minn setturi differenti, bħal dawk fis-servizzi tas-sigurtà medika, l-avjazzjoni, it-trasport u l-loġistika, il-ġestjoni tal-ajruporti, l-enerġija rinnovabbli u t-trattament ta’ ilma. Se jkun hemm ukoll rappreżentanti ta’ kumpniji li diġà jagħmlu negozju mal-Libja.
Il-laqgħa għandha l-appoġġ tal-Gvern Malti u kumpaniji Maltin li bħalissa involuti fil-Libja flimkien ma’ kumpaniji Libjani b’uffiċċji f’Malta huma lkoll mistiedna.
F’Marzu li għadda, Malta kienet waħda mill-ħames pajjiżi msejjħa fi Brussell mill-Ingliż David Cameron biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-Libja.
Flimkien mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President Franċiż Francois Hollande, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi u l-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy, u mar-rappreżentant għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin Federica Mogherini, il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser il-ħidma li qed issir biex il-kwistjoni tal-Libja ma tistax tiġi minsija.
Il-Prim Ministru kemm-il darba tkellem dwar mezzi kif Malta tista’ tikkontribwixxi biex, b’mod rikonoxxut u leġittimu, tieħdu rwol proattiv fuq soluzzjonijiet għall-kriżi fil-Libja, u issa mill-kliem qed issir it-tranżizzjoni għall-fatti.