Fil-laqgħa tat-Tlieta waranofsinhar tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC, l-Oppożizzjoni nqabdet f’kontradizzjoni meta d-Deputat u Whip Nazzjonalista Robert Cutajar iddikjara li jaqblu ma’ kull rapport li joħroġ.
Dan il-kumitat kien qiegħed jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Electrogas u li quddiemu kien hemm jixhed l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Hekk kif l-Oppożizzjoni kompliet bit-tattika li tuża dan il-kumitat fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għal-logħob partiġġjan, id-Deputat Robert Cutajar iddikjara li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista taqbel ma’ kull rapport maħruġ.
“Ħa nagħmilha ċara, din in-naħa tal-Kamra, Onorevoli Muscat u kull min qiegħed isegwi, naqblu mar-rapport kif ippreżentat ovvjament minn dawn it-tlett imħallfin, kif naqblu ma’ kull rapport ieħor.”
Cutajar qal dan minkejja li l-istess rapport tal-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, fuq il-materja diskussa għamilha ċara li, għalkemm kien hemm affarijiet li setgħu jsiru aħjar, wieħed ma jistax jgħid li l-proċess kien ivvizzjat.
“Tista’ tikkonferma din? Il-proċess kien ivvizzjat jew le? Jekk se tkun oġġettiv il-proċess la kien ħażin kollu u lanqas perfett. Kien fin-nofs kien hemm aspetti faħħarniehom u kien affariijiet li setgħu saru aħjar. Però ma tistax tgħid li l-proċess kien ivvizzjat.”
B’hekk, fl-aħħar laqgħa tal-PAC, l-Oppożizzjoni nqabdet bil-fatti kif tkun selettiva ma’ dak li tgħid li taqbel miegħu u għaddejja ssib it-tentufiet fl-istess rapport li talbet hi biex jiġi diskuss fil-kumitat.
Intant fl-istess seduta, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat irrimarka wkoll li b’din id-dikjarazzjoni ta’ Cutajar, l-Oppożizzjoni stess missha wkoll taċċetta r-rapport li investiga l-allegazzjonijiet marbutin mal-kumpanija Egrant. L-investigazzjonijiet maġisterjali dak iż-żmien kienu sabu, fost oħrajn, li ġew iffalsifikati firem f’dokumenti li fuqhom kienet ibbażata l-akbar gidba politika.
L-istess investigazzjonijiet kienu esiġew li għandha tixhed ir-Russa Maria Efimova, xi ħaġa li sal-lum għadha ma twettqitx anke għax din għadha ma nstabitx u l-każ tagħha baqa’ jiġi differit b’mod indefinit.