L-operazzjonijiet mhux urġenti li ġew posposti l-ġimgħa l-oħra minħabba l-mewġa qawwija ta’ sħana li esperjenza pajjiżna, kważi saru kollha, u l-ftit li baqa’ se jsiru sa din il-ġimgħa.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne waqt il-programm Pjazza fuq ONE, fejn tkellem dwar l-aħħar żviluppi fl-Isptar Mater Dei, minħabba l-mewġa qawwija ta’ sħana li għaddejja f’diversi partijiet tad-dinja.
Qal, “Bi pjaċir ngħid li dawk l-operazzjonijiet li pposponejna l-ġimgħa li għaddiet, dan il-weekend għamilna ħafna minnhom, jiġifieri l-Ħadd daħlu l-kirurgi u infermiera żejda u għamlu dawk l-operazzjonijiet li konna pposponejna matul il-jumejn tal-ġimgħa l-oħra, u għad fadal numru żgħir minnhom li ħa nkunu qed nagħmluhom sal-aħħar jew nofs ta’ din il-ġimgħa, jiġifieri f’temp ta’ ħamest ijiem, dawk l-operazzjonijiet li pposponejna minħabba s-surge kbira tas-sħana, għamilnihom jew ħa nkunu għamilnihom.”
Chris Fearne spjega li dawn l-operazzjonijiet mhux urġenti ġew posposti bi ftit jiem biex ir-riżors uman u l-ispazju fl-isptar, jintużaw biex jiġu salvati l-ħajjiet.
Hawnhekk spjega kif it-temperaturi għoljin li ħakmu lil pajjiżna fl-aħħar jiem wasslu biex filwaqt li l-medja ta’ pazjenti li jiġu bżonn ambulanza kuljum jgħoddu għal bejn mija u għoxrin u mija u ħamsin, f’jumejn partikolari ta’ sħana qawwija, saret talba għal mitejn u ħamsin ambulanza f’jum wieħed.
Fl-istess waqt, fl-Emerġenza jidħlu medja ta’ bejn tliet mija, u tliet mija u ħamsin persuna kuljum.
Fil-jumejn tas-sħana qawwija, in-nies li daħlu l-Emerġenza f’jum wieħed qabżu l-ħames mija.
Dawk li jkollhom bżonn jibqgħu għall-kura fl-isptar jgħoddu għal madwar mija u għoxrin persuna kuljum. Fil-jumejn ta’ ħafna sħana, in-nies li kellhom bżonn jibqgħu l-isptar qabżu l-mitejn u ħamsin kuljum.
Dawn iċ-ċifri jfissru li għal perjodu qasir, inħoloq strapazz fuq is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna.
Qal, “Ħadna l-passi biex nimmitigaw, jiġifieri l-Emerġenza kien hemm aktar tobba – mhux biss mill-isptar imma anki mill-Primary Care u minn partijiet oħra fis-sistema tagħna, aktar nurses, u rrid nirringrazzja lill-istaff kollu fis-servizz tas-saħħa li għal darb oħra reġa’ wera bħal meta jkollna kriżijiet hekk, kellna l-pandemija sentejn sħaħ, reġa’ qam għall-okkażjoni u salvajna l-għexieren tal-ħajjiet.”
Id-Deputat Prim Ministru saħaq fuq il-bżonn li tibqa’ għaddejja l-kampanja ta’ edukazzjoni ta’ kif wieħed jista’ jimmitiga l-effetti kawża tas-sħana qawwija.
Fakkar ukoll fil-pjanijiet li tikber l-Emerġenza, u kif sa ftit tax-xhur oħra, se tonqos il-pressjoni minn fuq l-Isptar Mater Dei meta jiftaħ iċ-Ċentru Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid.