L-operazzjoni tat-tifi tan-nar intemmet għall-ħabta ta’ nofsillejl tat-Tlieta, wara li ġew irrappurtati nirien f’fabbrika f’Santa Venera għall-ħabta tal-4pm.
Kelliem għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkonferma li l-pumpiera rnexxielhom jikkontrollaw in-nirien milli jibqgħu jinfirxu u l-ħidma tat-tifi tan-nar iffukat fil-qalba tal-binja fejn kien hemm maħżuna żejt, fjuwil, u kartun.
Hu mifhum li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili użaw ‘il fuq minn 200,000 litru ta’ ilma kif ukoll foam li ntuża fuq iż-żjut u l-fjuwil li kienu qed jaqbdu.
Għall-ħabta tas-7pm splużjoni qawwija ħasdet lil dawk kollha li kienu jinsabu biswit u fil-binja. Madankollu, fortunatament ħadd ma sofra ebda ġrieħi. Mal-ġurnalisti, id-Direttur Operattiv tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, spjega li l-operazzjoni kienet mistennija li tibqa’ għaddejja matul il-lejl bil-għan li tkompli tkessaħ il-binja. Spjega wkoll li fuq il-post kien hemm numru ta’ vetturi speċjalizzati għat-tifi ta’ nirien industrijali fosthom il-foam tender, it-turn table ladder, kif ukoll l-isnorkel, li huma lkoll għodda importanti għall-ħidma li għaddejja.
Fuq il-post kien hemm madwar erbgħin pumpier li kienu qed jaħdmu f’xiftijiet minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli li qed jiltaqgħu magħhom fil-ħidma tagħhom kemm madwar kif ukoll fil-binja. Minħabba li ntuża ammont kbir ta’ tankijiet tal-arja mill-pumpiera fuq il-post hemm ukoll l-Incident Support Unit, li ntuża biex jimtlew it-tankijiet użati sabiex l-operazzjoni setgħet baqgħet għaddejja bla waqfien.
L-ilma nġarr lejn is-sit tal-inċident permezz ta’ tliet bowsers tal-Protezzjoni Ċivili, bil-kapaċità tagħhom tvarja bejn 20,000 u 40,000 litru ilma kull wieħed.
Preżenti wkoll hemm tim mediku mill-isptar Mater Dei, li qiegħed hemm bħala prekawzjoni. Sa issa ħadd ma sofra ebda ġrieħi f’din l-operazzjoni.
Aktar kmieni l-Pulizija, assisti mill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, elevaw numru ta’ DVRs li fihom hemm miġbura xi filmati mill-kameras tas-sigurtà li kien hemm fil-binja. Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Aqra wkoll: