L-iżgħar pazjenta Maltija fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares fl-Ingilterra li kienet qiegħda tistenna trapjant tal-fwied, ingħatat ċans għal ħajja ġdida.
Dan hekk kif wara li ilha kważi mindu twieldet l-isptar tistenna trapjant ta’ fwied, it-Tlieta filgħaxija waslilha l-organu li tant għandha bżonn, kif spjegatilna omm iċ-ċkejkna.
Omm Ellie, qaltilna Jeclohan Gilford “Ċemplulna minn ġewwa King’s College London u qalulna li aktarx sibnilkom donor”.
Minnufih marret l-ambulanza u ħadithom l-isptar biex isiru t-testijiet meħtieġ ħalli jaraw jekk il-fwied tad-donatur, huwiex kompatibbli maċ-ċkejkna Maltija; f’mumenti ta’ tensjoni kbira għall-ġenituri tagħha.
Hija sostniet li “Inti tkun eċitata, qalbek maqtugħa jekk hux ħa jaqbel jew le, imma għall-grazzja tal-ħanin Alla, kollox qabel”.
Lill-ġenituri ta’ Ellie tkellimna magħhom mumenti wara li binthom temmet l-operazzjoni ta’ xejn inqas minn seba’ sigħat b’suċċess, b’omm iċ-ċkejkna tispjega li issa t-tifla qed tikrupra fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
L-omm tenniet: “Nirringrazzja lill-familja tad-donor li sibt għax ilna sentejn hawnhekk nistennew, nirringrazzjahom ħafna u grazzi Mulej.”
B’leħinha miksur – b’dieqa li l-ewwel u l-unika bint tagħha kellha tgħaddi minn dan l-imrar fi ċkunitha, iżda ferħana li issa għandha ċans għal ħajja normali – omm Ellie appellat għat-talb biex bintha tirkupra u tibda tgawdi l-ħajja bħal tfal oħra.
Omm Ellie temmiet tgħid “Nitlob il-poplu jgħini fit-talb ħalli jkollha recovery tajjeb u ħajja aħjar, u nfittxu niġu Malta.”