Waqt li l-Partit Laburista qed jorganizza open day fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista nhar il-Ħadd li ġej bejn l-10:00 ta’ filgħodu u s-2:00 ta’ waranofsinhar, tliet uffiċjali mill-friegħi fi ħdan l-istess Partit appellaw lill-pubbliku biex jattendi għal din l-attività speċjali.
Nikita Zammit Alamango, President tan-Nisa Laburisti, Elaine Degiorgio, Chairperson ta’ IDEAT, u Georvin Bugeja, President taż-Żgħażagħ Laburisti, tawna l-fehmiet tagħhom u spjegaw x’jistgħu jistennew dawk kollha li se jattendu, inkluż l-opportunità li jiltaqgħu mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Dr Robert Abela.
Fl-istess okkażjoni wkoll se tkun miftuħa esebizzjoni storika, b’fatti mit-twelid tal-Partit Laburista, li kienu għadhom mhux magħrufa sal-lum, waqt li kulħadd jieħu tifkira kommemorattiva.
Stqarret, “Inħeġġu n-nies biex jingħaqdu magħna nhar il-Ħadd li ġej. Għandna l-open day fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Żgħażagħ, anzjani, nisa, kulħadd hu milqugħ biex jiġi jiltaqa’ magħna milll-fergħat kollha u ovvjament se jkollkom iċ-ċans tiltaqgħu ma’ diversi nies mill-Partit Laburista, l-amministrazzjoni u l-Prim Ministru stess. U se jkun hemm anke tifkira żgħira għal min se jingħaqad magħna wkoll.”
Iċ-Chairperson ta’ IDEAT stqarret kif il-Partit Laburista hu b’saħħtu minħabba l-membri tal-fergħat tiegħu u qalet kif hu ferm sabiħ li jkun hemm għaqda bejn il-membri, lesti biex jaħdmu favur il-Partit Laburista.
Qalet, “IDEAT hija wkoll parti mill-Partit Laburista u allura nixtieq lil dawk kollha li forsi għandhom ukoll ħsibijiet jew ideat ġodda li jixtiequ jwasslu lill-Gvern u jwasslu lill-Partit Laburista biex jersqu viċin tagħna u aħna nkunu nistgħu wkoll inressqu dawn il-ħsibijiet lill-Partit Laburista.”
Matul l-open day, se tissokta wkoll il-kampanja RENEW, li għadha kemm tnediet biex tiġi mġedda s-sħubija jew jintlaqgħu membri ġodda fil-Partit Laburista, inkluż żgħażagħ.
Sostna, “Il-Ħadd se tkun okkażjoni interessanti fejn dawk li se jżuru ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-attivisti tal-Partit, mal-membri tal-fergħat fost l-oħrajn inkunu fiċ-Ċentru Nazzjonali, nuruhom minn fejn noperaw, nuruhom fejn niltaqgħu bħala fergħat u jkollhom l-opportunità li wkoll jissiebħu membri fi ħdan il-Partit Laburista u anke jibdew jinvolvu ruħhom fil-fergħat, fost l-oħrajn il-fergħa tagħna taż-żgħażagħ li matul is-sena naħdmu biex inkunu vuċi taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”