Il-bastiment Open Arms resaq iktar viċin Lampedusa u jinsab fl-ibħra territorjali Taljani.
Dan il-vapur hu mmexxi minn NGO Spanjola u fuqu għandu 147 immigrant li ilhoma bejn sema u ilna diversi jiem.
Dan il-moviment sar wara li fil-jum tal-Erbgħa tribunal fl-Italja annulla deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini, li kien qed jgħid li dan il-bastiment ma kellux jidħol fl-ibħra Taljani.
Minkejja din id-deċiżjoni l-bastiment baqa’ joħloq kontroversja hekk kif Salvini baqa’ jindika li ma kienx se jaċċetta d-direzzjoni li taw il-qrai.
Iżda, il-Prim Ministru Giuseppe Conte argumenta li jekk l-Italja tibqa’ taġixxi waħedha allura tibqa’ anke titħalla waħedha quddiem din il-kriżi ta’ immigrazzjoni.
Conte sostna wkoll li wara diskussjonijiet, inkluż bl-involviment tal-Kummissjoni Ewropea, hemm sitt pajjiżi li lesti jilqgħu dawn l-immigranti. Minn rapporti fil-midja Taljana jirriżulta li dawn il-pajjiżi huma Franza, il-Ġermanja, ir-Rumanija, il-Portugall, Spanja u l-Lussembrugu. Conte żied li dan huwa prova ta’ solidarjetà Ewropea.
Biex din il-kwistjoni kompliet toħloq qasmiet fil-gvern Taljan li bħalissa jinsab mifni fi kriżi interna tant li fl-għoxrin ta’ Awwissu se jittieħed vot ta’ fiduċja. Vot li ntalab minn Salvini nnifsu li qed jimmira li jsir il-Prim Ministru tal-pajjiż.
Fuq dan il-bastiment hemm ukoll ftit iktar minn tletin immigrant li kienu salvati fl-ibħra Maltin u li l-gvern Malti kien lest li jdaħħal Malta għax huma legalment responsabbiltà ta’ Malta.
Iżda, il-kaptan tal-Open Arms irrifjuta għax qal li jew kulħadd jew ħadd.
L-oppożizzjoni f’Malta, permezz tal-Kap Adrian Delia, qalet li l-gvern Malti għandu jdaħħal lil kulħadd inkluż dawk fuq bastimenti oħra.
Fuq il-baħar bejn sema u ilma hemm ukoll il-bastiment Ocean Viking bi 350 immigrant fuqu.