Delegazzjoni tat-Task Force għall-Azzjoni Finanzjarja, l-FATF se żżur pajjiżna f’April li ġej, bħala parti mill-istadju finali tal-proċess.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt diskussjoni li kellu maż-żgħażagħ fl-MCAST.
Il-Prim Ministru qal ukoll kif imbagħad se jkun hemm plenarja f’Ġunju u wieħed jistenna li joħroġ dak ir-riżultat li jixtieq il-pajjiż.
Saħaq li l-Gvern se jara li dak li ġara ma jerġax iseħħ u bil-fatti juri li Malta hija ġurisdizzjoni serja u ta’ eċċellenza.
Ġimagħtejn ilu, fi tmiem is-sitt plenarja tal-FATF taħt il-Presidenza Ġermaniża ntqal li Malta ħadet il-passi kollha meħtieġa biex tindirizza strateġikament ir-rakkomandazzjonijiet li sarulha.
Din l-analiżi teknika wasslet biex il-plenarja tal-FATF aċċettat ir-rakkomandazzjoni li ssir żjara f’Malta biex tikkonferma dan il-progress.
L-FATF innutat li Malta wettqet numru ta’ riformi fosthom it-tisħiħ tal-intelliġenza finanzjarja biex din tkun t’appoġġ għall-awtoritajiet konċernati li jkunu qed jinvestigaw każijiet ta’ ħasil ta’ flus u evażjoni tat-taxxa.
L-FATF irrimarkat l-impenn politiku tal-Gvern Malti f’Ġunju li għadda meta l-FATF iddeċidiet li Malta tkun fi proċedura t’aktar moniteraġġ.
Quddiem dan l-iżvilupp notevoli mill-FATF, il-Gvern Malti kien innota din id-deċiżjoni filwaqt li saħaq li qed jimpenja ruħu li jibqa’ jaħdem favur standards ogħla.