82% tal-ommijiet huma sodisfatti bis-servizz ta’ child care b’xejn. Dan jirriżulta minn studju li sar fl-Universita’ ta’ Malta li jagħmel ukoll suġġerimenti kif is-servizz jista’ jitjieb.
Jirriżulta wkoll li hija fenomenali ż-żieda fis-sigħat li ħadmu l-ommijiet is-sena li għaddiet.
Permezz tal-iskema ta’ Childcare b’xejn ommijiet t’ulied bejn it-tlett xhur u tlett snin qed jaħdmu medja ta’ ħames sigħat iktar fil-ġimgħa.
Dan ħareġ minn teżi ta’ student tal-ekonomija fl-Universita ta’ Malta, Ayrton Zarb, li analizza l-impatt tac-child care b’xejn fuq is-sigħat li jaħdmu n-nisa li għandhom tfal li għadhom ma bdewx jattendu l-kindergarten.
Zarb spjegalna li l-istudju jieħu medja tar-risposti ta’ iktar minn 790 omm minn Malta u Għawdex. Huwa stqarr li l-maġġoranza assoluta tal-ommijiet huma kuntenti bis-servizz offrut.
Madanakollu ippropona numru ta’ suġġerimenti għal tibdiliet fis-sistema preżenti, sabiex ikunu indirizzati nuqqasijiet li jħossu l-ġenituri.
Ewlenija fosthom il-klawsola tal-assenteiżmu. Bħalissa l-ġenituri jistgħu jibgħatu lit-tfal għaxra fil-mija iktar jew inqas tas-siegħat mitluba minnhom kull xahar. Ġenituri ta’ tfal ta’ taħt sena ilmentaw li t-tfal jimirdu ħafna għalhekk issuġġerew li l-assenteizmu skużat b’ċertifikat tat-tabib għandu jitqies apparti.
Ayrton Zarb kellimna dwar tibdiliet oħra ssuġeriti mill-ommijiet, fosthom li l-ħinijiet ta’ ftuħ taċ-ċentri jitwalu u li dawn jiftħu fil-festi wkoll.
L-istudju wera’ wkoll li dawk l-ommijiet b’paga baxxa jew medja kienu l-iktar li użaw din il-miżura. Dawn jammontaw għal tlieta u erbgħin fil-mija tal-ommijiet li jużaw ic-childcare b’xejn.