Wara tlett ijiem ta’ investigazzjonijiet intensivi, mas-sebħ il-Pulizija sabet ma’ wiċċha sejba mill-aktar makabra u reat mill-aktar gravi: qtil doppju.
Għall-ħabta ta’ tas-00:40 il-Pulizija daħlu f’għalqa fil-limiti tal-Gudja. Malli waslu f’għalqa li tinsab fi Triq Santu Kristu, il-Pulizija sabu xena makabra: żewġ nisa maqtula u midfuna taħt l-art.
Il-mejta huma Marija Lourdes ta’ 70 sena u bintha Angele Bonnici ta’ 29 sena minn Ħal Għaxaq. Minn tagħrif li kiseb ONE NEWS, il-vittmi ġew irrapportati nieqsa minn Joseph Bonnici ta’ 39 sena li huwa iben u ħu l-vittmi.
ONE News hu infurmat li l-Pulizija qed iżomm lilu bħala s-suspettat ewlieni ta’ dan l-omiċidju. Jidher li kien hu li wassal lill-Pulizija għax-xena tar-reat u allegatament ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil.
L-awtopsja li saret fuq il-katavri ta’ Maria Lourdes u Angele turi li ż-żewġ nisa nqatlu b’daqqiet ta’ mazza, u tiri ta’ arma tan-nar f’rashom. In-nisa nqatlu ftit sigħat qabel ġew irrappurtati nieqsa.
Fis-satra tal-lejl, il-Pulizija bdiet tħaffer fil-ħamrija b’diversi pali fejn sabu liż-żewġ nisa midfuna kollha kemm huma taħt l-art.
ONE News jista jikkonferma li l-vittmi ma nqatlux fuq il-post iżda f’darhom f’Ħal Għaxaq fl-istess triq li 19-il sena ilu, Paul Bonnici, ir-raġel ta’ Maria Lourdes qatel lill-ġirien Joseph u Carmela Dalli barra d-dar tagħhom wara li sparalhom diversi tiri sparati minn arma modifikata biex ma tgħamilx ħoss.
Fil-fatt matul il-jum tas-Sibt fi Triq Santa Marija l-esperti forensiċi u l-Pulizija fil-preżenza tas-suspettat issoktaw bl-investigazzjonijiet tagħhom bit-tama li jkomplu jsibu evidenza li tista’ tgħinhom fl-istħarriġ. Fost oħrajn rriżulta li l-cameras tas-sigurtà mad-dar kienu mitfijin.
Nifhmu li minn hawn, Bonnici għabba lil ommu u lil oħtu mejta f’karru u ħadhom lejn l-għalqa fil-Gudja biex jidfinhom.
Għaxqin li tkellmu ma’ ONE NEWS ddeskrivew lis-suspettat ewlieni bħala bniedem twajjeb u riservat u għadhom ma jistgħux jifhmu x’seta’ wasslu biex allegatament joqtol lil ommu u lil oħtu. Madankollu mhux eskluż li Joseph qatel lil ommu u lil oħtu wara diżgwid li kien ilu jkarkar għal bosta snin.
Fost oħrajn hu qed jallega li qatel lill-ommu għax kienet hi l-kaġun li missieru qatel 2 persuni, 19 il-sena ilu.
Fatt kurjuż li dakinhar tal-għajbien tagħhom, Joseph xerred fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook l-artiklu li ppubblika ‘ONE News’ li rrapporta proprju l-għajbien ta’ ommu u oħtu.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo li ħatret bosta esperti biex jgħinuha fl-inkjesta.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxew mill-Ispettur Roderick Attard mill-Għassa taż-Żejtun, l-Ispettur John Spiteri mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji u l-Ispettur Keith Arnaud mill-Iskwadra tal-Omiċidji.
Mhux eskluż li fis-sigħat li ġejjin il-pulizija tressaq lil Bonnici l-Qorti u tixlih bil-qtil ta’ ommu u oħtu.
http://www.one.com.mt/2019/03/30/hbieb-ta-angele-mahsuda-bil-qtil-taghha/
http://www.one.com.mt/2019/03/30/it-tieni-tragedja-ghall-familja-bonnici-fi-ftit-snin/
http://www.one.com.mt/2019/03/30/konfermata-l-omm-u-l-bint-ma-nqatlux-fl-ghalqa-li-nstabu-midfunin-fiha/