Dan huwa Nick.
It-tielet wild tal-familja Cutajar.
Ta’ tliet xhur Nick siefer għall-ewwel darba lejn Londra, mhux għax-xiri jew għal xi bini storiku imma biex jagħmel intervent mediku delikat ħafna f’qalbu.
Illum Nick għandu tliet snin u diġa tela’ Londra seba’ darbiet bl-iktar darba kiefra tkun dik meta bħala l-ewwel Malti għamel trapjant tal-glandola Thymus li hija kruċjali għas-sistema immunitarja.
Emozzjonata, ommu Marilyn irrakkontat il-ġurnata li ġiet rilaxxata mill-isptar jiem wara t-twelid waqt li Nick kien għadu fil-kura intensiva.
Spjegat kif “L-istaff tal-isptar kienu offrewli, ovvjament ma kontx fi stat tajjeb u kienu offrewli jekk nixtieqx nagħmel ftit iktar l-isptar, imqar nagħmel jumejn oħra sakemm inħossni daqsxejn aħjar. Ħassejtha wisq diffiċli li tkun kamra bejn tnejn ikun hemm xi ħadd ieħor ħdejk li għadu kif kellu l-baby, tara l-omm l-oħra għandha l-baby ittih il-bottle u jiġu l-familjari, il-baby jibki u inti l-baby mhux qiegħed ħdejk. Qiegħda l-isptar, mort l-isptar biex ikollok il-baby u l-baby mhux qiegħed ħdejk.”
Missier Nick, Malcolm qal kif ġurnata ġdida kienet iġġib sfidi ġodda.
Qal li “Tista’ tgħid kull ġurnata kien qed ikollna xokk jew sorpriża imma mhux sorpriża sabiħa għax dejjem xi ħaġa differenti. Minn problema għall-oħra. Kemm tal-qalb imbagħad il-problema l-oħra tal-immune system li dik kienet l-ikbar problema iżda fl-istess ħin ma konnix qed nirrealizzaw kemm hi kbira.”
Oħtu Jade li għandha ħdax -il sena esprimiet il-ferħ li ħasset meta rat lil ħuha għall-ewwel darba. Qalet li din kienet ferħa bla temma għaliex jiem wara kellu jitlaq lejn Londra għal operazzjoni.
Spjegat kif “Ferħana wkoll u bdejt inħossni naqra mdejqa għax il-ġimgħa ta’ wara kellu jsiefer allura ma tantx qattajt ħin miegħu d-dar.”
Imbikkma stqarret li ma trid xejn aktar milli tara lil ħuha jgħix ħajja normali.
Qalet kif “Li jkun aħjar, ikun kuntent u li jgħix ħajja iżjed aħjar u normali.”
F’dawk il-jiem, l-unika raġġ ta’ dawl kien offrut mill-Malta Community Chest Fund.
Qal kif “Imnalla kienet fil-każ tagħna l-Community Chest Fund li meta ġejna biex insiefru barar at least kelli problema solvuta għax kienu jgħinu mil-lat t’akkomodazzjoni u mil-lat ta’ x’ħa nsib ma’ wiċċi, ta’ x’għandi nagħmel u x’ma għandix nagħmel. Sapport kontinwu sakemm konna qed inkunu hemmhekk. Dejjem iċemplulna u jgħidulna x’għandna bżonn. Għadni niftakar safra partikolari s-sena l-oħra tlajna bla ħsieb għal ġimgħa testijiet u spiċċajna weħilna hemmhekk tliet xhur. Għajjejna konna, għajjejna.”
Għal din ir-raġuni Nick għandu messaġġ wieħed biss x’jgħaddi lilkom.