L-omm hija fiċ-ċentru tal-familja – il-persuna li tkun ta’ eżempju għat-tfal fit-trobbija biex ikollhom ħajja aħjar fil-futur.
Kliem mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, f’intervista f’Jum l-Omm ma’ SideStreet, li fiha tkellmet dwar it-tnax-il sena li ilha f’dan l-irwol.
“Dawn it-tnax-il sena kienu l-isbaħ tnax-il sena ta’ ħajti, nara lil Giorgia tikber, minn tifla żgħira, illum għandha tnax-il sena u għandha l-ideat u l-ħsibijiet tagħha wkoll. Giorgia hija n-number one supporter tagħna. Titkellem fuq kull ma tgħaddi minnu, tkun trid min jismagħha, u jiena u Robert nassiguraw li jkun hemm ħin ta’ kwalità magħha.”
Lydia Abela – Mart il-Prim Ministru
Fl-okkażjoni tal-jum li jfakkar l-ommijiet kollha, Lydia Abela nnotat il-ħidma li saret minn Gvern Laburista tul is-snin biex proprju tħeġġeġ aktar ommijiet jilħqu l-potenzjal tagħhom, fl-istess waqt li jkunu ta’ spalla għal uliedhom.
“Ic-childcare centres b’xejn, li għenu ħafna ommijiet li jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol, żidna għajnuniet fejn jidħlu familji bi dħul baxx bħal uniformijiet b’xejn, nuċċalijiet tal-vista b’xejn.”
Lydia Abela – Mart il-Prim Ministru
F’nofs kampanja elettorali li fil-qofol tagħha hemm iż-żgħażagħ, Lydia Abela ħeġġet liż-żgħażagħ jagħtu kontribut fil-politika, għaliex huma, fi kliemha, il-‘forza tal-bidla’.
“Niftakar kumment li kien jgħaddili l-papà tiegħi waqt li konna nkunu miġburin id-dar. Jiena waħda minn ħamest itfal u niftakru jsegwi l-aħbarijiet, isegwi diskussjonijiet politiċi, u aħna nagħmlu l-istorbju kulħadd jgħid tiegħu u ma kienx ikun jista’ jisma’ l-aħbarijiet. Kien jgħidilna ma tistgħux ma tisimgħux il-politika għax il-politika taffettwa lilek direttament, se taffettwa dak li inti tgħix ta’ kuljum.“
Lydia Abela -Mart il-Prim Ministru
Fl-intervista li fiha misset ma’ bosta temi soċjali, fosthom il-bullying u s-saħħa mentali, Lydia Abela tkellmet ukoll dwar l-empatija – li wieħed ikun kapaċi jisma’ u jifhem lil ta’ madwaru.
Hawnhekk innotat kif din hija kwalità li tispikka f’żewġha.
“Robert huwa persuna li kapaċi jisma’ ħafna. Il-kapaċità li tisma’ u tgħarbel dak li tisma’ hija sabiħa ħafna, u li tkun empatiku, turi empatija.“
Lydia Abela – Mart il-Prim Ministru
Fi tmiem l-intervista, Lydia Abela tkellmet dwar l-irwol tal-mara fis-soċjetà u l-bżonn li tiġi apprezzata aktar.
Hija kellha dan il-messaġġ għall-ommijiet kollha.
“Dik hija ċ-ċelebrazzjoni tal-omm. Li nfaħħru lil dawn in-nisa li qegħdin ikunu ta’ eżempju għat-tfal fit-trobbija tagħhom biex ikollhom ħajja aħjar fil-futur.”
Lydia Abela – Mart il-Prim Ministru