Saret laqgħa kostruttiva bejn l-Ombudsman, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, bil-għan li titħaddan relazzjoni ta’ kollaborazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.
L-Ombudsman irringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ talli ġie mistieden għal din il-laqgħa essenzjali u ħa l-opportunità biex jifraħ lis-Sur Chris Vassallo Cesareo għall-ħatra tiegħu bħala President tal-Kamra tal Kummerċ.
L-Ombudsman irrikonoxxa wkoll ix-xogħol imprezzabbli tal-predeċessur tiegħu, Marisa Xuereb u rringrazzjaha għad-dedikazzjoni u l-kontribut tagħha.
Il-laqgħa ffokat fuq opportunitajiet li jistgħu jinħolqu biex titjib il-kollaborazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kamra tal-Kummerċ, partikolarment fil-promozzjoni ta’ governanza tajba.
L-Ombudsman enfasizza l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi għal amministrazzjoni pubblika aktar ġusta u spjega li amministrazzjoni pubblika effiċjenti tkun ta’ benefiċċju kemm għall-pubbliku u għall-amministrazzjoni nnifisha.
Il-President Chris Vassallo Cesareo rringrazzja lill-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon talli aċċetta l-istedina tal-Kamra tal-Kummerċ biex iż-żewġ entitajiet jikkollaboraw flimkien.
Preżenti għal-laqgħa flimkien mal-President Vassallo Cesareo kien hemm ukoll il-predeċessur tiegħu Marisa Xuereb u l-Kap Eżekuttiv, Dr Marthese Portelli.
Il-President Vassallo Cesareo tenna li l-Kamra tal-Kummerċ tkun minn ta’ quddiem biex tassisti u tikkollabora mal-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-promozzjoni u l-appoġġ ta’ amministrazzjoni pubblika tajba.
Barra minn hekk, l-Ombudsman esprima x-xewqa tiegħu li jiltaqa’ mal-membri tal-Kamra tal-Kummerċ biex jispjega aħjar l-irwol tal-Ombudsman u biex jidħol fi djalogu produttiv malkomunità tan-negozju.